Fl-omelija tieghu, l-Arcisqof Charles J. Scicluna fl-okkazjoni tal‑festa ta’ San Nikola, li saret ilbieraħ insista li ż-żwieġ hu ta’ bejn mara u raġel.
Hu sostna li l-Knisja tirrispetta l-persuni omosesswali iżda “tgħid x’tgħid il-liġi, iż-żwieġ jibqa’ l-għaqda dejjiema u esklussiva bejn raġel u mara li bl-imħabba u mill-imħabba ta’ bejniethom jitnisslu l-ulied.”
Saħaq li t-traġedja tal-lum-il ġurnata hi li “l-ulied irridu nagħmluhom u mhux nilqgħuhom bħala rigal, frott l-imħabba ta’ bejn ir-raġel u l-mara miżżewġin. Għalina l-ulied saru prodott, frott it-teknoloġija. U meta l-bniedem iċedi għat-tentazzjoni li t-teknoloġija tieħu over mhux bilfors qiegħed isaħħaħ id-dinjità tiegħu.”
L-Arċisqof tkellem ukoll dwar il-mod kif San Nikola, bħala isqof, ġie umiljat u mneżża’ mill-episkopat tiegħu. Hawnhekk, l-Arċisqof sostna li l-insulti u l-malafama tal-bnedmin jgħaddu, imma s-sejħa ta’ Alla ma jħassarha ħadd; “la l-editorjali moqżieża ta’ din id-dinja, u la l-kalunji u t-tixwix ma jistgħu jeqirdu r-rieda ta’ Alla fuq il-poplu tiegħu.”