L-Arċisqof ma jħossx li għandu jieħu azzjoni wara li Dun David Muscat instab ħati fi stadju ta’ appell talli uża diskors ta’ mibegħda.
Mal-gazzetta The Malta Independent, Kelliem għall-Arċidjoċesi ta’ Malta qal li m’hemmx lok għal aktar azzjoni fil-konfront ta’ Dun Muscat, li ġie kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn minħabba li kiteb fil-midja soċjali li li xi ħadd ikun gay huwa agħar milli kieku jkun ippossedut mix-xitan.
Dan id-diskors Dun Muscat kien qalu b’rabta mal-omiċidju tal-Pollakka, Paulina Dembska, li dwaru hemm akkużat Abner Aquilina.
Dak iż-żmien, Dun Muscat kien kiteb fuq il-Facebook li jekk is-suspettat ta’ dan il-qtil makabru huwa gay jew bisesswali, dan ikompli jżid mad-diżordni ta’ din il-persuna.
Huwa qabbel dan ma’ meta wieħed ikollu l-pressjoni għolja, iz-zokkor u l-kanċer f’daqqa.
Dun David Muscat qal li persuna hekk teħtieġ l-għajnuna għax il-possessjoni hija inqas gravi, iżda li tkun gay – jew, kif sejħilha hu, “gayyaġni” – huwa agħar.
L-Arċisqof kien qal li widdeb lil Dun Muscat u talbu jneħħi l-kitba li għamel fuq il-midja soċjali iżda issa, meta mistoqsi jekk hux se jieħu azzjoni oħra wara l-kundanna tal-Qorti, il-Knisja qalet li m’hemmx lok għal azzjoni ulterjuri.
Il-midja kienet innutat l-azzjoni fjakka mill-Arċisqof fil-konfront ta’ Dun Muscat wara l-akkużi ta’ diskors ta’ mibegħda.
‘Il-Knisja “bl-ingwanti tal-bellus”, kien hemm miktub fil-gazzetta KullĦadd.
Kien ġie rappurtat kif is-saċerdot Mosti kien diġà ġie mwissi serjament ferm qabel u fuq il-kumment li issa għandu kundanna kriminali dwaru messu twaqqaf milli jkompli jeżerċita l-ministeru saċerdotali tiegħu.
“Daqqa fuq il-pala tal-id, meta jitqies li Fr David Muscat kien diġà mwissi fuq kliem ieħor ta’ mibegħda,” kien intqal.
Min-naħa tagħha, il-gazzetta It-Torċa kienet tkellmet ma’ membru tal-kleru li, bil-kundizzjoni ta’ anonimità sostna li ilhom isiru żbalji fuq is-sitwazzjoni ta’ Dun Muscat għax, fost l-oħrajn, il-Kurja m’aġġixxietx b’mod immedjat aktar kmieni.
Min-naħa tiegħu, l-editorjal ta’ The Malta Independent on Sunday kien innota kif il-Maltin stennew lil l-Arċisqof ikun iżjed iebes ma’ Dun Muscat.