L-Arċisqof Charles Scicluna evita li jikkundanna b’mod dirett ir-riżoluzzjoni li għaddiet fil-Parlament Ewropew fid-19 ta’ Ottubru li għadda. Din ir-riżoluzzjoni, li kellha tkun dwar is-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba, ġiet imbottata mill-Membru Parlamentari Ewropew David Casa u spiċċat tinkludi l-kundanna kontra Malta, għax għad m’għandhiex abort legalizzat.
Ix-xahar li għadda ONE News kien bagħat il-mistoqsijiet lill-Arċisqof u l-Kurja għal reazzjoni dwar dan, iżda ġejna ffaċċjati biss b’ħafna skużi u tidwir, inkluż li l-Arċisqof kien indispost, minħabba li kien f’Ruma għas-Sinodu tal-Isqfijiet.
Wara li l-Knisja Maltija jew l-isqfijiet lokali xorta baqgħu ma lissnu l-ebda kelma f’dan ir-rigward, din il-ġimgħa staqsejna lill-Arċisqof dirett fl-ewwel okkażjoni li kellu fil-pubbliku.
Minkejja dan, meta rreferejnih għal din ir-riżoluzzjoni ta’ David Casa, bl-aktar mod diplomatiku, l-Arċisqof qalilna biss li “jħossu ddispjaċut għall-pressjoni li qed issir fuq pajjiżna”.
Fis-Seminarju tal-Virtu, tlabna lill-Arċisqof jgħid speċifikament għaliex sal-lum il-ġurnata baqgħu ma kkundannawx dak li tressaq minn David Casa, bl-appoġġ tal-grupp tal-Partiti Popolari Ewropej (EPP) fil-Parlament Ewropew, istituzzjoni mmexxija minn Roberta Metsola.
Iżda kien ovvju li l-Arċisqof ma riedx jirreferi speċifikament għall-MEP Nazzjonalista u/jew il-każ partikolari. Minflok qal li jħoss li hu inġust li hemm min qed jimponi biex f’Malta jiddaħħal l-abort.
Qal, “Jiddispjaċina meta jkollna pressjoni, tiġi minn fejn tiġi, biex aħna nbiddlu din l-għażla favur il-ħajja u aħna, fejn hemm il-ħajja, nirrispettawh dejjem u jiddispjaċina ħafna meta jkun hemm tip ta’ pressjoni li nħossu li hi inġusta.”
Fl-aħħar ġimgħat bosta argumentaw kif il-Knisja aġixxiet differenti f’dan il-każ, meta f’okkażjonijiet oħrajn tkellmet fil-miftuħ anke minn fuq l-ambone tal-knejjes, inkluż fejn l-abort ma jkunx is-suġġett diskuss, bħal meta tressqet il-liġi biex tipproteġi lill-mara f’komplikazzjonijiet tat-tqala.
Ta’ min ifakkar kif, bl-iskop li jilħaq l-aġenda partiġġjana tiegħu li jattakka lil Malta, David Casa kellu jċedi għal kompromessi fl-EPP u aċċetta li tiddaħħal klawżola speċifika dwar l-abort, inkella ma kienx se jkollu l-appoġġ neċessarju meta r-riżoluzzjoni tressqet għall-vot fi Strasburgu.
Casa m’opponiex u eventwalment ivvota fuqha kif kienet.
Ir-riżoluzzjoni qalet li l-Parlament “jesiġi mill-Gvern Malti biex sa fl-aħħar iniedi d-dritt għal abort” u kkritika l-liġi, li daħlet is-sena li għaddiet biex tħares il-mara minn periklu ta’ ħajja jew saħħa gravi, bħala waħda li mhijiex biżżejjed.