“L-avvenimenti ta’ dawn l-aħħar jiem għandhom ikunu okkażjoni għalina l-Maltin u l-Għawdxin biex nieqfu u naħsbu dwar x’qed jiġri madwarna. Ħadd mhu lest jiġġustifika l-vjolenza, tkun minn fejn tkun ġejja – la vjolenzja fiżika fuq in-nies u l-patrimonju, u wisq inqas kliem ta’ mibegħda li jagħmel ħsara mhux biss lill-proxxmu tagħna imma anke lil min jagħmlu”, qal l-Arċisqof Charles J.Sciluna.
Fi stqarrija b’reazzjoni għall-irvell li nqala’ l-Ħadd li għadda, l-Arċisqof qal li jekk irridu niżirgħu xi żerriegħa hemm bżonn tkun żerriegħa ta’ paċi u mhux ta’ mibegħda. Dan għax fi kliemu ż-żerriegħa tal-mibegħda tkisser lilna nfusna qabel xejn.
Qal li ż-żerriegħa tal-paċi hi magħmula mit-tolleranza, mid-djalogu u anke mill-qalb li tifhem u tagħder lill-proxxmu tagħna.
“Aħna għandna d-dritt nitolbu l-ħarsien tal-liġi tal-pajjiż, imma dan ma jiġġustifikax li aħna nużaw kliem ta’ mibegħda għal xi kategorija ta’ nies jew anke għal xulxin”, qal l-Arċisqof.
Qal li l-appell tiegħu hu li nibqgħu poplu li nilqgħu l-barrani, u kkwota l-enfasi li għamel il-Papa Franġisku meta jfakkarna f’dik is-sentenza tal-Iskrittura mill-Ittra lil-Lhud fejn tgħid: ħafna, huma u jilqgħu l-barranin, mingħajr ma kienu jafu, kienu qed jilqgħu lill-anġli.
Qal li elfejn sena ilu aħna lqajna grupp ta’ nies li sfaw nawfragati fuq ix-xtut tagħna.
“Magħhom kien hemm priġunier jismu Pawlu ta’ Tarsu. Tana l-ikbar barka! Iż-żerriegħa li żera’ Pawlu għamlet il-frott. Ma nkunux aħna li niżirgħu żerriegħa ta’ mibegħda li tkissirna”, temm jgħid l-Arċisqof.