“Ejjew inkunu ambaxxaturi konkreti tal-imħabba”.
Huwa propju b’dan il-mod li l-Arċisqof Mons. Charles Scicluna beda l-messaġġ tiegħu meta kien qed jilqa’ u jagħti l-awguri lin-nies li dalgħodu marru l-Kurja.
Huwa appella lill-komunità nisranija f’Malta biex fi żmien ta’ ġid ekonomiku turi iżjed l-valur tas-solidarjetà.
Ir-ragħaj spiritwali tal-Knisja f’Malta saħaq fuq l-għożża f’dawn iż-żminijiet tal-Milied.
Huwa appella wkoll biex il-Milied nibqgħu ngawduh sa l-Epifanija.
“Aħna poplu li nħobbu l-festi u jeħtieġ li ma nieqfux ingawdu l-Milied sa eżatt wara l-ewwel tas-sena.”
Huwa rringrazzja lill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi tal-appoġġ li jtih.
Il-mexxej tal-Knisja f’Malta rringrazzja wkoll lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona tal-ħidma pastorali tiegħu ma’ nies li jinsabu fil-periferija tas-soċjetà.
Wara l-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof kompla jiltaqa’ man-nies li awgurawlu Milied hieni.