Waqt il-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, l-Arċisqof ħasel riġlejn għadd ta’ persuni fosthom Bjorn Formosa minn ALS Malta.
Fl-omelija l-Arċisqof qal kif Ġesù mhux biss ħabb sal-aħħar nifs ta’ ħajtu, imma ħabb bil-qawwa kollha tiegħu.
“Wara dan il-ġest tal-ħasil tar-riġlejn, Ġesù jfakkar lilna l-Insara, li l-imħabba trid tkun il-kejl, il-kriterju, ta’ dak kollu li naħsbu, li ngħidu, u li nagħmlu. Jekk aħna rridu nifhmu jekk aħniex ngħixu f’sintonija, f’rabta ma’ Ġesù, irridu kontinwament nistaqsu lilna nfusna: imma dak li qed naħseb fuq dik il-persuna, ġej mill-imħabba? U dak li se ngħid jew qed ngħid, hu espressjoni tal-imħabba?
L-Arċisqof ħeġġeġ ukoll biex nitolbu “skont il-vokazzjoni tagħna, li jkollna din il-qawwa u din l-umiltà, il-kuraġġ u s-serenità, li f’kull ċirkustanza ningħataw b’dedikazzjoni kbira, b’sens ta’ servizz u ma niddejqux naħslu saqajn xulxin. Ejjew nitolbu lill-Mulej jagħtina l-għerf, id-dawl, il-fehma, li f’kulma naħsbu, f’kulma ngħidu, u f’kulma nagħmlu, ikun hemm hu, ikun hemm l-imħabba”.