L-Arċidjoċesi ta’ Malta ddikjarat pożizzjoni kontra l-emendi fil-liġi tal-IVF li bdew ikunu diskussi fil-Parlament din il-ġimgħa.
Fi stqarrija għall-Istampa, l-Arċidjoċesi qalet li kkonsultat ma’ 35 persuna, li ddeskriviethom bħala esperti multidixxiplinarji u li, fi kliemha, għamlu dokument ta’ pożizzjoni għad-diskussjoni usa’ li trid issir bħala parti mid-dibattitu Parlamentari dwar l-emendi proposti għall-Protezzjoni tal-Embrijuni. Il-Knisja qalet hija kontra l-emendi għax il-liġi ma tipproteġix lill-embrijun.
Fost dawk li kkontribwew għad-dokument ta’ pożizzjoni tal-Knisja hemm individwi magħrufa sew għall-mod kif opponew riformi li saru fl-aħħar snin fil-qasam tad-drittijiet ċivili, partikolarment l-eks deputati Nazzjonalisti Tonio Borg u Michael Axiak.
Ir-riforma għal-liġijiet tal-IVF hija riżultat ta’ wegħda elettorali u li l-Gvern għandu mandat elettorali biex iwettaqha. Hija riforma maħsuba biex iktar persuni jkollhom l-opportunità li jsiru ġenituri. Hi wkoll riforma maħsuba biex, f’każijiet serji ħafna, il-ġenituri ma jgħaddux lil uliedhom kundizzjonijiet ġenetiċi li, fil-maġġoranza tal-każi, jiasslu biex jew imutu wara ftit jew saħansitra jgħixu ħajja b’ħafna tbatija u mingħajr dinjità. Kienu diversi l-koppji li tkellmu pubblikament dwar din ir-realtà, filwaqt li ħafna oħrajn jagħżlu li jbatu fis-skiet. Fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem f’isem dawn il-koppji.