L-Arċidjoċesi ta’ Malta ppubblikat ir-rapport finanzjarju tagħha għall-2023, fejn jirriżulta li ġie rreġistrat żbilanċ ta’ tliet mija u ħamsa u għoxrin elf ewro. Minkejja dan, xorta ġie rreġistrat titjib, meta mqabbel mal-2022, meta l-Knisja kienet kważi seba’ miljun ewro minn taħt.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja fil-Furjana, indirizzata mis-Segretarju Amminsitrattiv Michael Pace Ross, ingħataw dettalji dwar id-dħul u l-ħruġ tal-Knisja f’Malta, b’rendikont sħiħ tal-ispejjeż li rat is-sena li għaddiet, partikolarment fejn jidħlu l-parroċċi, il-Kapitlu Metropolitan, id-djar għat-tfal u l-anzjani, id-djar għall-persuni b’diżabilità, is-Seminarju tal-Arċisqof, il-monasteri u anke l-midja tagħha.
Fil-preżentazzjoni tar-rapport finanzjarju, ħareġ ukoll kif kien hemm tnaqqis fid-donazzjonijiet għall-Knisja s-sena l-oħra. Madankollu, id-Dar tal-Providenza rat żieda qawwija fost dawk li ħallew il-wirt tagħhom lilha wara mewthom.
Ħdax-il miljun ewro marru kompletament fi spejjeż tal-operat tal-Arċidjoċesi, bħal servizzi liturġiċi, festi titulari u ikel.
F’dan il-perjodu l-Knisja f’Malta ħarġet ukoll mas-37 miljun ewro f’pagi, li jfisser żieda ta’ kważi sitt miljun ewro fuq l-2022. Fl-2023 kien hemm elf, tliet mija u disgħa u sittin ħaddiem full time u part time jaħdmu mal-Arċidjoċesi, flimkien ma’ 245 saċerdot li wkoll jingħataw salarju.
Parti żgħira miż-żieda fil-ħruġ ġie attribwit ukoll fin-nuqqas ta’ sorijiet, fejn xogħol li qabel kienet tagħmel soru issa jridu jiġu ngaġġati ħaddiema professjonisti u allura b’hekk kien hemm żieda fil-pagi.
Mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti, Pace Ross tenna kif l-Arċidjoċesi ma ħasset l-ebda impatt mill-kontroll tal-Gvern fejn jidħlu l-ħaddiema minn pajjiżi terzi.
Żieda pożittiva, li ġie nnotata, kienet fejn jidħol it-turiżmu. Ir-Rotunda tal-Mosta rat żieda ta’ 21% fit-turisti li żaruha u allura żdied id-dħul, filwaqt li l-Katidral tal-Imdina esperjenza żieda ta’ 55%.
Fost l-inizjattivi li ħadet l-Arċidjoċesi s-sena l-oħra bi ħruġ ta’ fondi, kien hemm il-Kċina ta’ Marta, LOOP, l-inawgurazzjoni Casa Fratelli Tutti, l-assistenza lill-vittmi tat-terremoti fis-Sirja u t-Turkija, l-għajnuna lil 565 żagħżugħ għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lisbona, u l-għeluq ta’ Dar Saura, li issa għaddiet lill-Malta Trust Foundation b’valur ta’ 25 miljun ewro.
Fejn jidħol il-Caritas, is-sena li għaddiet, il-Knisja għenet 1,678 persuna li fittxew servizzi ta’ outreach u rijabilitazzjoni, minbarra servizzi ta’ counselling u social work.
Il-Knisja qalet kif, permezz ta’ dħul minn investiment diversifikat u etiċi, inkluż dividend mill-Bank APS u minn bejgħ ta’ proprjetà, setgħet tkompli tgħin lil dawk fil-bżonn.