L-Arċidjoċesi ta’ Malta nnutat b’dispjaċir l-istqarrija tal-kumpanija GO fejn intqal li l-ammont ta’ donazzjonijiet irrappurtati miġbura permezz ta’ maratoni televiżivi ġie rivedut ’l isfel b’€1.4 miljun wara problema teknika li wassal biex ċertu donazzjonijiet imwegħda ġew irrappurtati darbtejn.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi, Michael Pace Ross, qal li kważi nofs dan it-tnaqqis, ekwivalenti għal €654,000, se jaffettwa l-pjanijiet tad-Dar tal-Providenza u l-Caritas, b’impatt dirett fuq il-ħidma matul din is-sena ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet ta’ karità tal-Knisja.
F’laqgħa mal-Kap Eżekuttiv tal-GO, Pace Ross esprima d-diżappunt tal-Arċidjoċesi u qal li dan ma kienx il-livell ta’ servizz li l-Arċidjoċesi tistenna mill-kumpanija GO.
L-Arċidjoċesi qalet li filwaqt li fehmet l-ispjega teknika li ngħatat minn GO, sar aċċenn fuq il-ħtieġa li l-kumpanija jkollha sistemi aktar robusti fis-sistema tad-donazzjonijiet biex żbalji bħal dawn ma jerġgħux isiru.
L-Arċidjoċesi ħadet nota tal-apoloġija li saret mill-GO, u tħares ’il quddiem biex il-kumpanija ssarraf l-impenn tagħha f’għajnuna lid-Dar tal-Providenza u lill-Caritas.
Intant il-Caritas qalet li s-somma miġbura fil-‘Maratona ta’ Mħabba’ li xxandret fuq l-istazzjonijiet lokali fl-14 ta’ Novembru li għadda, kienet fil-fatt ta’ €424,170 u mhux ta’ €668,280.
F’dan l-isfond, Caritas Malta qed tappella għad-donazzjonijiet tal-pubbliku.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/04/13/problema-teknika-ta-go-twassal-ghal-diskrepanza-ta-e1-4-miljun-fi-gbir-ta-fondi/
https://www.one.com.mt/2021/04/13/problema-teknika-tal-go-is-somma-migbura-fl-istrina-hija-ta-kwazi-miljun-ewro-inqas/