Sa Ottubru li għadda l-Uffiċċju tal-Arbitru tas-Sigurtà Soċjali ddeċieda 246 appell.
Dan tħabbar mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon waqt tweġiba għal mistoqsija parlamentari.
Fil-fatt, filwaqt li l-uffiċċju ddeċieda 246 appell, 215 ġew irtirati. Dan filwaqt li d-Dipartiment tal-Arbitru tas-Sigurtà Soċjali, sa Ottubru rrevoka 189 appell. B’kollox hemm ftit inqas minn 1300 appell pendenti.
Dan l-Arbitru tas-Sigurtà Soċjali qiegħed hemm fejn tħoss li b’mod inġust mhux tieħu xi benefiċċju soċjali.
Dwar dan u aktar tkellimna mal-Arbitru taħt il-liġi tas-Sigurtà Soċjali Dr Noel Camilleri hekk kif tenna li b’kollox sa Ottubru daħlu madwar 900 appell.
Huwa qal, “Bħalissa hemm pendenti ftit inqas minn 1300 appell. Trid tqis li l-appell ma jiġix deċiż f’seduta waħda ħafna drabi imma jridu jinstemgħu x-xhieda qisek qiegħed ġo Qorti imma inqas formali, fis-sens li l-appellant l-ewwel għandu d-dritt iressaq il-provi tiegħu, imbagħad id-Dipartiment iressaq il-provi tiegħu.”
Huwa rrimarka wkoll it-tip ta’ xogħol li jara dan l-uffiċċju u l-bżonnijiet li għandu biex ikun jista’ jasal għal deċiżjoni fuq numru ta’ kwistjonijiet.
Camilleri sostna: “L-appelli jvarjaw kemm fuq għajnuna soċjali, kemm fuq children’s allowance u hemm ukoll fuq l-aspett mediku, anke jekk ikun hemm appelli fuq aspetti mediċi, l-arbitru jrid ikun assisitit minn konsulent mediku biex ikun jista’ jidderieġi jew jgħin lill-arbitru biex jasal għad-deċiżjoni minn aspett mediku.”