L-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjajri laqa’ 192 ilment minn konsumaturi li għamlu użu minn dawn is-servizzi f’Malta tul l-2018, żieda ta’ 10% fuq in-numru ta’ lmenti li daħlu fl-2017. Dawn jinkludu fost l-oħrajn ilmenti ta’ persuni li ngidmu minn xi servizz bankarju jew servizz qarrieri tal-assigurazzjoni.
L-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji l-Avukat Reno Borg spjega li r-rapport annwali tal-uffiċċju tiegħu għall-2018 juri li 70% tal-ilmenti kienu marbuta mal-investiment.
“L-aktar li jidħlu każi ta’ mis-selling, jiġifieri li klijent xtara prodott mhux tajjeb għalihom jew ingħataw informazzjoni qarrieqa. U allura dan ma kienx jista’ b’mod liberu jagħżel li jidħol fl-investiment. Hemm regoli ċari mill-Unjoni Ewropea u anke mill-MFSA li aħna rridu nimxu magħhom.”
Isegwu dawn it-tip ta’ lmenti minn klijenti, hemm dawk marbuta ma’ servizzi bankarji, li fl-2018 laħqu l-20%.
“Kien hemm min għax ma fetħux basic payment account, telf ta’ credit cards. L-aktar transfers ta’ flus min barra minn Malta għal Malta jew viċi-versa.”
54% tal-ilmenti saru minn klijenti barranin, filwaqt li 46% minn klijenti Maltin.
Fl-istess ħin in- numru ta’ deċiżjonijiet milħuqa fl-2018 ilaħħaq il-139, kważi d-doppju ta’ dawk li ttieħdu fl-2017. Dan ifisser li naqsu b’mod qawwi l-każijiet pendenti, tant li r-rapport annwali jgħid ċar u tond li l-każijiet kollha li nfetħu fl-2016 ġew konklużi filwaqt li maġġoranza tal-każijiet tressqu quddiem l-uffiċċju fl-2017.
Fl-istess ħin, in-numru ta’ talbiet u każijiet żgħar żdied għal 1,016 fl-2018, biex b’hekk, b’kollox l-uffiċju laqa 2,057 talba mindu twaqqaf fl-2016.
Dr Borg qal li l-viżjoni ċara tal-uffiċċju tiegħu, apparti li jaqdi lill-partijiet kollha bl-aħjar mod u skont dak impost mil-liġi, huwa li kemm jista’ jkun kollox ikun riżolt b’medjazzjoni. Xi ħaġa li fi kliemu hija aktar kwistjoni ta’ kultura milli ta’ proċedura.
“Il-medjazzjoni hi kultura. Ma nistax ngħid li Malta għandna din il-kultura li naslu biha imma nista ngħid li kellna każi solvuti hekk u kemm jista’ jkun inħajru li l-każi jkunu sovuti hekk. Kemm għall-interess tal-klijent jew min qed jagħmel l-ilment u kemm għal dawk li qed joffru servizzi finanzjarji.”