L-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu internazzjonali, bħal Fitch, huma kejl importanti għall-pajjiż, iżda l-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li huwa iktar konfortat mill-fatt li r-rapporti jirriflettu dak li qed jgħidu l-familji Maltin u Għawdxin u li jgħidu dawk il-kumpaniji li jimpjegawhom.
B’ reazzjoni għar-rapport ta’ Fitch, waqt kollegament telefoniku fuq ONE Radio dalgħodu, il-Prim Ministru stqarr li l-ekonomija ta’ pajjiżna sejra tajjeb u li dan qed iwassal għal aktar flus fil-bwiet tan-nies. Dan huwa rifless mill-fatt li iktar persuni qegħdin isibu impjieg u mhux jgħixu fuq il-benefiċċji soċjali, mit-tnaqqis tal-income tax u c-childcare b’ xejn, fost oħrajn, li wasslu biex iktar familji jidħlu fil-faxxa tal-middle class.
Iżda huwa spjega li xorta fadal familji li qed ibagħtu biex ilaħħqu mal-ħajja u li l-faqar żgur li mhuwiex perċezzjoni, għaldaqstant il-Gvern se jkompli jaħdem biex jikkumbatti din ir-realtá.
Joseph Muscat fakkar li minkejja li l-punt ta’ tluq kien wieħed negattiv, dan il-Gvern irnexxielu jbiddel dawn il-credit ratings mhux biss għal stabbli iżda għal pożittivi.
Il-Prim Ministru qal li dan huwa riżultat ta’ traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma li kienet deċiżjoni importanti li ħa dan il-Gvern. Huwa rrimarka kif dan it-traħħis kien possibbli bil-qalba għal gass li se tkompli sseħħ fix-xhur li ġejjin permezz tad-dħul tat-tanker temporanju. Huwa fakkar li minkejja li l-Gvern xtaq li jsir pipeline mal-ewwel, dan ma kienx possibbli għaliex il-Gvern preċedenti, f’ ħamsa u għoxrin sena, għażel li ma jgħamel xejn f’dan ir-rigward.
Fid-dawl tal-qbil li ntlaħaq aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Prim Ministru rrefera għall-progress f’dak li għandu x’jaqsam mal-Airmalta u li jittama li fit-taħdidiet li għadhom għaddejjin mal-cabin crew, tinstab soluzzjoni waħda filwaqt li rrikonoxxa l-fatt li fadal ħafna aktar xogħol xi jsir biex l-Air Malta tkompli tissaħaħ. Tenna li jinsab fiduċjuż li flimkien mal-Ministru tat-Turiżmu u l-kumplament tat-tim tal-Air Malta se jkunu qed ikomplu jittieħdu deċiżjonijiet importanti.
Joseph Muscat qal li xorta fadal oqsma fil-pajjiż fejn għad irid isir progress, fosthom fl-ambjent fejn din il-ġimgħa spikkat id-deċjżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li wissiet lis-sidien tal-Mistra Village u tal-Jerma li jekk ma jirranġawx il-binjiet, se jitwaqqgħu. “Ma jistax ikun li nħallu dawn il-postijiet deżerti iżda fuq kollox li huma scar ambjentali” qal il-Prim Ministru.
Fl-aħħarnett il-Prim Ministru għamel referenza għall-miżura għall-priġunieri transesswali u stqarr li anke jekk din il-miżura fil-mument tolqot biss ħames persuni, xorta waħda hija ta’ prijorita, għaliex huwa dmir tal-gvern li jħares id-dinjità ta’ kull persuna.