Malta tgħati merħba lill-aqwa tribute band ta’ Dire Straits fl-Ewropa fil-qalba ta’ San Ġwann. Mill-Italja l-grupp awtentiku se jkun qed idoqq l-aqwa mużika li din il-band sensazzjonali pproduċiet tul il-karriera tagħha.
Għaddew tletin sena minn meta Dire Straits waqfu bħala band, dak iż-żmien ħallew wirt tal-aqwa mużika rock ta’ kull żmien. Iżda minkejja dawn is-snin kollha wieqfa, ir-reputazzjoni ta’ din il-band kompliet tikber, bejgħ rekord ta’ aktar minn mija u għoxrin miljun, u popolarità li kompliet tikber hekk kif sa’ llum żgħażagħ ġodda għadhom jiskopru l-mużika tagħhom u jingħaqdu ma’ bosta segwaċi minn madwar id-dinja.
L-aqwa ta’ Dire Straits, issa f’Malta, b’kunċert b’xejn nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Lulju 2023 fil-pjazza ewlenija ta’ San Ġwann.
Il-lokalità ta’ San Ġwann matul dawn l-aħħar snin kull sena ppreżentat uħud mill-aqwa kunċerti ewlenin li kellna f’pajjiżna matul is-sajf u għal darb’oħra dan mistenni jkun avveniment ieħor imfittex. Is-Sindku Trevor Fenech spjega li dan il-kunċert huwa parti minn proġett akbar li qed joffri divertiment soċjali, jsaħħaħ il-kultura filwaqt li jsir l-aħjar użu mill-ispazji miftuħa li għandha x’toffri l-lokalità.
Fil-21 ta’ Lulju nilqgħu Malta l-aqwa tribute band Ewropea ta’ Dire Straits Tribute, f’lejl uniku f’San Gwann.
Dan l-avveniment qed jiġi organizzat mill-Kunsill Lokali San Ġwann bl-appoġġ tal-Kunsill Reġjonali tat-Tramuntana u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali.
Id-donazzjonijiet kollha li ser jinġabru se jmorru għall-organizzazzjoni tal-karità Puttinu Cares