Matul dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern kiseb l-aqwa riżultati finanzjarji. Dan hekk kif, fl-ewwel ħdax-il xahar tas-sena, kellu defiċit ta’ mija u żewġ miljun ewro.
Dan kien l-aqwa riżultat finanzjarju, li kien osservat fl-ewwel ħdax-il xahar tas-sena sa mill-elfejn u dsatax ’il hawn. Bil-maqlub, fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista, id-defiċit sa Novembru tal-2012 kien laħaq it-tliet mija u tnejn u erbgħin miljun ewro.
Imma l-agħar riżultat qatt osservat kien fl-ewwel ħdax-il xahar tal-elfejn u disgħa, meta d-defiċit kien mess l-erba’ mija u għaxar miljun ewro.
Imqabbel mal-istess żmien is-sena li għaddiet, din is-sena kien hemm titjib ta’ mitejn u erbgħa u erbgħin miljun ewro fil-finanzi pubbliċi.
Dan it-titjib qawwi bla preċedent, li hu ferm aktar minn dak antiċipat saħansitra fil-baġit, seħħ għax id-dħul tal-Gvern kiber b’rata ferm akbar milli żdied il-ħruġ.
Filfatt id-dħul tal-Gvern kiber b’rekord ta’ biljun u erbgħa u erbgħin miljun ewro jew b’aktar minn tmintax fil-mija. Il-maġġoranza taż-żieda kienet dovuta għal dħul akbar mill-Income Tax, mill-bolla u l-VAT. Dan kien jirrifletti t-tkabbir ekonomiku sostnut tal-ekonomija Maltija.
In-nefqa tal-Gvern kibret b’inqas miż-żieda fid-dħul, bi tkabbir ta’ tmin mitt miljun ewro. Kważi kwint taż-żieda kien dovuta għat-titjib fil-benefiċċji soċjali, inkluż pensjonijiet u Children’s Allowance. Kien hemm ukoll żieda fin-nefqa fuq pagi, frott titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ diversi kategoriji ta’ ħaddiema fis-Servizz Pubbliku.
Dan minbarra żieda fl-investiment kapitali, li qabeż it-tliet kwarti ta’ biljun ewro fl-ewwel ħdax-il xahar ta’ din is-sena.