Waqt attività politika l-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna li l-opportunitajiet tax-xogħol għandhom jibqgħu jinħatfu mill-Maltin u l-Għawdxin avolja l-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol ta’ pajjiżna hija kruċjali.
Dan fi sfond tal-Labour Migration Policy bil-għan li min jidħol jaħdem f’pajjiżna se jkun biss meħtieġ għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Qal, “Ma nistgħux inħallu l-affarijiet kif kienu fl-aħħar snin le. Għalhekk se ndaħħlu din il-Labour Migration Policy li se tkun tenfasizza l-ħiliet tal-ħaddiema barranin. Jidħol biss ġewwa pajjiżna min is-suq tax-xogħol jeħtieġu. Niżguraw li min jidħol ikun imħarreġ sew għalhekk diġa’ daħħalna l-iskills pass fis-settur tal-ospitalità fost oħrajn u niżguraw ukoll li l-ħaddiema barranin li jaħdmu ġewwa pajjiżna ma jkunux qed jagħtu xi kontribut biex jitnaqqsu l-pagi tal-Għawdxin u tal-Maltin. Jien irrid li l-aqwa opportunitajiet jibqgħu jaħtfuhom il-ħaddiema Għawdxin u Maltin kollha u li l-kontribut tal-ħaddiema barranin ikun biss biex il-livell tal-għajxien tagħna jibqa’ dejjem jitla’ ‘l fuq.”
Sadanittant, il-Prim Ministru kkundanna l-aġir tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-Kummissarju Malti nominat Glenn Micallef.
Qal, “Xeħtulu kwerela, jiġiferi rapport lill-Pulizija biex jinvestigawh kriminalment, biex jippruvaw iċċapsuh ftit tal-jiem qabel jingħata l-kariga ta’ Kummissarju Ewropew kif ingħata l-fiduċja mill-Membri Parlamentari ewropej. Araw għalxiex jaslu, araw għalxiex jaslu biex ikassbru isem pajjiżna barra minn xtutna. Però daqs kemm qed jagħmlu dawn l-attakki jiena se ngħidilhom u ħa nkun ċar ħafna. Lil Glenn se nkun qed niddefendih bis-saħħa kollha”
Il-Prim Ministru tenna li matul dawn l-aħħar snin kellna sfidi li ħallew impatt kbir fuq kull wieħed u waħda minnha, imma dan il-Gvern huwa dak li jipproteġi u issa rridu nħarsu lejn il-qabża fil-kwalità.
Qal, “Irridu nħarsu lejn il-qabża fil-kwalità li jmiss. Għalhekk qegħdin mhux ċassi imma infasslu l-Viżjoni Malta 2050. Viżjoni li trid toħodna l-ewwel sal-2035, b’targets li huma ċari, settur jgħaqqad ma ieħor. imma hekk hu li tippjana, li f’kull settur inti taf fejn sejjer. ”