L-indiċi tas-sentiment ekonomiku f’Settembru laħaq l-livell ta’ 118, li huwa 30% ogħla mil-livell li kien hemm fl-istess xahar tal-aħħar sena qabel il-bidla fil-Gvern. Stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea, li sar fost 1,500 kumpanija u 1,000 familja, juri li f’Malta hawn l-ogħla livell ta’ ottimiżmu osservat fost il-pajjiżi kollha fiż-żona ewro.
Dan huwa wkoll l-ogħla livell ta’ ottimiżmu qatt osservat f’dan ix-xahar mindu beda isir l-istħarriġ fl-2002.
L-akbar ottimiżmu kompla jispikka fost l-operaturi fis-settur tas-servizzi f’pajjiżna, li jinkludu kumpaniji fis-settur finanzjarju u tal-gaming. Dawn għandhom livell ta’ fiduċja d-doppju tal-medja fiz-żona ewro. Filwaqt li l-Oppożizzjoni tgħid li hawn inċertezza f’dawn l-oqsma, ħafna mill-operaturi fil-qasam tas-servizzi qalu lill-Kummissjoni Ewropea li għandhom aspettativi aħjar għax-xhur li ġejjin, minkejja li diġà marru tajjeb fix-xhur li għaddew, u qed ibassru li se jkomplu jżidu l-ħaddiema.
Fil-qasam tar-retail, l-operaturi qed jistennew żieda fil-bejgħ u żieda fl-impjiegi. Fl-industrija, il-kumpaniji kellhom titjib fil-produzzjoni u għandhom ordnijiet b’lura għal tmien xhur u għalhekk ukoll qalu li ser iżidu l-ħaddiema.
Fil-qasam tal-kostruzzjoni, skont l-operaturi, kien hemm żieda qawwija fl-attività u għandhom xogħol b’lura għal ħames xhur.
F’Settembru l-familji f’pajjiżna baqgħu fost il-ftit fl-Ewropa li jħossu li l-qagħda finanzjarja tagħhom ser titjieb. Qalu li l-ekonomija kibret u qed jistennew li l-qgħad ser ikompli jonqos. Filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea jeżisti pessimiżmu fost il-konsumaturi, f’Malta hawn l-ogħla proporzjon ta’ konsumaturi li jemmnu li bħalissa qegħdin f’pożizzjoni li jagħmlu akkwisti relattivament kbar.
Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea jirriflettu l-fiduċja kbira li jgawdi l-programm ta’ ħidma tal-Gvern fost il-familji u n-negozji f’pajjiżna. Bit-twettiq ta’ dan il-pjan, fix-xhur li ġejjin, pajjiżna ser jitpoġġa fuq sisien iktar sodi għall-futur.