Marica Pulis hija mara li taħdem b’dedikazzjoni u mħabba kbira ma’ dawk fost l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà; l-anzjani.
Il-ħidma tagħha ġiet rikonoxxuta f’serata mtella’ mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva, li matulha rebħet il-Premju Ħaddiem tas-Sena fil-qasam tal-Kura tal-Anzjani.
Marica ilha tletin sena taħdem mill-qrib mal-anzjani u l-qraba tagħhom li jidħlu għall-proċess biex isibu dar tal-anzjani.
Fiċ-Ċentru Servizz Anzjan fil-Belt, iltqajna ma’ Marica, li spjegatilna kif xogħolha jdur mal-anzjani li għandhom iktar minn sittin sena li japplikaw biex jidħlu f’dar tal-anzjani minħabba li l-kundizzjoni ta’ saħħithom ma tibqax tippermetti li jibqgħu jgħixu fil-komunità.
“Ix-xogħol jikkonsisti f’li nilqgħu l-applikazzjoni, naraw jekk hix mimlija tajjeb, niftħu file u nipproċedu għand it-tim mediku biex jassessja l-applikazzjoni permezz ta’ appuntament li jkun għamel lill-anzjan biex jattendi fil-klinika tat-tim mediku u naraw kemm hu urġenti u bżonn il-każ biex jidħol f’home.”
F’xogħolha, Marica tiltaqa’ ma’ ħafna anzjani li jisħqu li l-każ tagħhom huwa urġenti. Iżda għalkemm ikunu fuq ix-xwiek jistennew biex imorru f’dar tal-anzjani, it-telefonata bl-aħbar xorta tkun xokk.
“Meta ċċemplilhom huwa xokk għax inti meta tiftakar li ħa tħalli d-dar li ġġiblek tant memorji, li jkollok l-indipendenza u l-libertà tiegħek, m’għandek lil ħadd fuqek, imbagħad ħa tmur ġo post għalkemm se tkun komdu u kkurat u hemm nies li ħa jieħdu ħsiebek, xorta dik hija qatgħa.”
Marica tispjega li mhux darba jew tnejn, ikollha wlied anzjani li jinfaqgħu jibku quddiemha għaliex ikunu mħassba dwar il-fatt li l-ġenituri tagħhom se jħallu d-dar li fiha jkunu għexu għal deċenji sħaħ.
“Meta jkun hemm ir-rispett lejn il-ġenituri, tifhem xi jkun għaddej minnu l-bniedem u nipprova nispjegalhom li se jkunu ġo home, ħa jkunu kkurati. Jekk ikunu jaħdmu ħa jmorru għax-xogħol b’rashom mistrieħa li jekk jinqala’ xi ħaġa, il-ġenituri tagħhom hemm xi ħadd 24 hours li se jieħu ħsiebhom, ġo home jkollhom l-attivitajiet, il-kura tat-tabib u physio, u dawn l-affarijiet iserrħulhom rashom.”
Marica kienet sorpriża mmens li rċeviet il-Premju Ħaddiem tas-Sena, għaliex qaltilna li fi tletin sena ħidma mal-anzjani, dejjem ħadmet b’dedikazzjoni u mħabba imma qatt ma stenniet xejn lura.
“Meta jidħlu hawnhekk, ngħidilhom, ħriġtu aħjar milli dħaltu? Allavolja bniedem tkun tista’ taqdihom imma għall-inqas li urejthom li qed tifimhom u għamel ħiltek biex tgħinnhom mill-għodda li għandek, għax id-Dipartiment għalkemm ħa jgħin, kollox għandu l-limiti tiegħu, dik sodisfazzjon kbir kemm għalija kif ukoll għalihom. Ngħidilhom l-aqwa li rajtkom ħerġin bid-daħka; jidħlu jibku u joħorġu bi tbissima. Dik sodisfazzjon kbir għalija.”