Il-Ġimgħa filgħaxija, f’attività politika fir-Rabat, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela rreaġixxa għall-aħbar ta’ ftehim bejn il-Gvern u l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT.
Dr Abela rrimarka kif dan il-ftehim se jkun l-aqwa wieħed li qatt sar f’dan is-settur, filwaqt li rringrazzja lill-MUT tal-kollaborazzjoni tagħha biex intlaħaq dan il-ftehim.
“Se jkollna l-aqwa ftehim kollettiv li qatt ingħata lill-għalliema f’dan il-pajjiż, l-aqwa ftehim kollettiv. Kundizzjonijiet b’saħħithom, żidiet b’saħħithom. Hawnhekk ukoll nixtieq nirringrazzja lill-MUT tal-kollaborazzjoni tagħha. Dak meta inti twassal għal djalogu li jkun wieħed kostruttiv. Dak ukoll meta tkun tajt kelma fil-manifest elettorali li se ssaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-għalliema u tkun determinat li twassalha.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Mexxej Laburista nnota wkoll kif dan il-ftehim settorjali mhuwiex wieħed iżolat, iżda jagħmel parti minn kullana ta’ ftehimiet oħrajn, li saru ma’ ħaddiema differenti, bħal dawk li saru mal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u l-korpi dixxiplinarji, fost l-oħrajn.
Dr Abela aċċenna dwar l-importanza ta’ vot b’saħħtu favur il-Partit Laburista fit-8 ta’ Ġunju biex ikun wieħed ta’ fiduċja fil-ħidma tal-Gvern Laburista għall-ġejjieni.
“U dak tal-lum hu raġuni oħra għala fit-8 ta’ Ġunju għandna nagħtu vot b’saħħtu lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista, kemm għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u lill-kandidati kollha tal-Kunsilli Lokali. Għax b’vot b’saħħtu lill-Partit Laburista jfisser titjib b’saħħtu fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħna.”
il-Prim Ministru Robert Abela