Il-Ministeru għat-Turiżmu laqa’ b’sodisfazzjon iċ-ċifri maħruġa aktar kmieni llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (l-NSO) b’rabta mal-wasliet turistiċi fi Frar ta’ din is-sena fil-gżejjer Maltin.
Fi stqarrija, il-Ministeru ddeskriva Frar li għadda bħala l-aqwa Frar fl-istorja għall-indusrija tat-turiżmu.
Il-Ministeru osserva li, fi Frar, il-volumi, l-iljieli mqattgħin f’pajjiżna u n-nefqa turistika ssuperaw ir-riżultati miksuba fl-2019 meta mqabbel mal-istess perjodu. L-2019 kienet l-aħħar sena sħiħa meta Malta ma kinitx maħkuma mir-restrizzjonijiet tal-COVID-19
In-numru ta’ turisti li ġew f’pajjiżna matul Frar ta’ din is-sena kien ta’ 132,513 turist. Minn aspett ta’ volumi ifisser żieda ta’ 6 fil-mija fuq l-istess perjodu tal-2019, meta dak iż-żmien ġew 125,198 turist.
In-numru ta’ ljieli li qattgħu t-turisti f’pajjiżna matul dan l-istess xahar kien ta’ 816,220 lejl, żieda ta’ 5.4 fil-mija fuq l-istess xahar tal-2019, meta f’dak il-perjodu pajjiżna rreġistra 774,589 lejl.
B’mod sinifikattiv, in-nefqa turistika matul dan l-istess perjodu telgħet b’mod sostanzjali għal €86,920,000, żieda ta’ 22 fil-mija meta mqabbla mal-€71,156,000 iġġenerati fl-2019.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, irrimarka li dawn ir-riżultati jirriflettu l-ottimiżmu u l-fiduċja li hawn fis-settur tal-ospitalità.