Is-sena 2016 kienet waħda stupenda għal dawk li huma fanatiċi tal-films, dan hekk kif kienet waħda mill-aqwa sena mżewqa b’diversi films popolari li bosta nies kienu ħerqana biex jaraw.
Fil-quċċata tal-klassifika tal-films ta’ KRS Releasing li ntwerew fl-2016 insibu lil Star Wars Episode VII – The Force Awakens. Film mis-sensiela famuża mondjali ta’ Star Wars, bid-distributur tal-film ikun Walt Disney Studios b’ġenre ta’ azzjoni,avventura u fantażija. Hu beda jintwera fis-swali Maltin fil-15 ta’ Diċembru ta’ 2016 u f’temp ta’ tmien ġimgħat jintwera fis-swali tela’ fl-ewwel post tal-klassifika.
Fit-tieni post tal-klassifika nsibu Suicide Squad. Film li kien hemm agħa kbira dwaru, dan hekk kif tim ta’ kriminali jipprovdu l-għajnuna tagħhom lill-Gvern biex jeħilsu minn entità ħażina. Apparti t-tim li ngħaqad għal din l-avventura, wieħed ma jistax ma jsemmix lil Joker, karattru tant maħbub mill-fanataċi li jħobbu l-univers fittizju tad-DC. Suicide Squad dam għaxar ġimgħat jintwera fis-swali fejn beda jintwera fil-5 ta’ Awwissu fl-2016.
Fit-tielet post insibu l-film Finding Dory. Fejn għalkemm il-film hu aktar immirat għat-tfal, ma naqsux iż-żgħażagħ u l-adulti li marru biex isegwu l-avventura tal-ħuta tant maħbuba Dory, bil-vuċi tal-kummidjanta Amerikana tant popolari Ellen Degeneres. Il-film dam jintwera fis-swali għal għaxar ġimgħat u beda jintwera fit-3 ta’ Awwissu.
Il-film Deadpool insibuh fir-raba’ post tal-klassifika. Film li jaqa’ taħt is-serje ta’ X-Men, dwar raġel li jisfa’ vittma ta’ testijiet ta’ xjentist li jbiddluh fil-karattru Deadpool, eroj b’differenza. Il-film beda jintwera fis-swali fis-17 ta’ Frar tal-2016 u dam jintwera għal disa’ ġimgħat.
Fanatiċi tas-serje tant popolari Harry Potter żgur mhux forsi kienu entużjasti għas-sena 2016, dan hekk kif ħareġ film bbażat fuq ktieb li ħareġ fl-2001 miktub minn J.K Rowling dwar maġija u kreaturi differenti mill-univers ta’ Harry Potter. Il-film beda jintwera f’Novembru u għadu qed jintwera fis-swali taċ-ċinima fejn issa daħal fid-disa’ ġimgħa.
Films oħra li kienu fil-klassifika tal-2016 huma The Jungle Book fis-sitt post, Batman vs Superman fis-seba’ post, The Secret Life of Pets fit-tmien post, Daddy’s Home fid-disa’ post u Captain America: Civil War fl-għaxar post.
Iż-żewġ films li damu l-aktar jintwerew fis-swali taċ-ċinima kienu The Jungle Book u kif ukoll Daddy’s Home, dan hekk kif damu ħdax-il ġimgħa jintwerew.