It-tabib Dr Andy Shih, pijunier fil-qasam tal-awtiżmu qal li s-servizzi offruti f’Malta għal tfal bl-awtiżmu huma aħjar minn dawk tal-aqwa ċentri li qatt żar madwar id-dinja.
Dr Shih qal dan waqt żjara li għamel mas-Sinjura Michelle Muscat fi Skill Space, wieħed miċ-ċentri li joffri servizzi lil tfal bl-awtiżmu.Dan iċ-ċentru li jinsab fil-qalba ta’ Ta’ Sliema jinkorpora fih ċentru ta’ matul il-jum għal-persuni b’diżabbilta intelletwali. Hawnekk professjonisti fil-qasam jgħallmu bosta ħiliet bażiċi lill-klijenti biex il-quddiem ikunu jistgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti.
Iċ-ċentru huwa mqassam fi kmamar li kollha għandhom għanijiet diversi. ONE News kien preżenti għall waħda mis-sessjonijet fejn il-klijenti kienu qed jiġu mgħallma kif jużaw il-ħadida tal-mogħdija. Fiċ-ċentru hemm ukoll kamra fejn il-klijenti jiġu mgħallma kif jużaw il-kompjuter għall-bżonnijiet li jkollhom fil-ħajja ta’ kuljum.
Apparti dawn iċ-ċentri mmexxija mill-Aġenzija Sapport, il-Gvern qed jiftaħ numru ta’ skejjel statali wara l-ħinijiet normali tal-iskola. Dan qed isir bil-għan li tfal bl-awtiżmu jkollhom ħin iddedikat għalihom fl-iskejjel f’ambjent aktar kalm u sigur.
- MOSTA ŻOKRIJA – ĦAMIS U ĠIMGĦA: 17:30 – 19:30
- PRIMARJA ATTARD – ĠIMGĦA: 17:30 – 20:30, SIBT : 14:00 – 17:00, ĦDUD U FESTI: 10:00 – 17:00
- PRIMARJA MARSAXLOKK – ĠIMGĦA: 17:00 – 20:30, SIBT, ĦDUD U FESTI: 10:00 – 17:00
- PRIMARJA SANNAT – ĠIMGĦA: 18:00 – 21:00, SIBT: 09:00 – 12:00
Is-Sinjura Muscat innutat li s-servizzi f’Malta dejjem qed imorru għall-aħjar iżda appellat għal aktar għarfien mill-professjonisti kif ukoll mit-tfal stess.
Is-Sinjura Muscat appellat lin-nies biex jagħmlu użu mis-servizzi offruti u jgħinu lil min għandu bżonn l-appoġġ tagħhom.