“Nibqgħu nagħmlu l-istess ċerimonji, bl-istess protokol li qatt ma’ jiġi ddubitat, biex nqattgħu jum jew tnejn nikkummentaw u niżżufjettaw fuq l-ilbiesi, ingravajjet u kpiepel”.
Dan kitbu l-perit Daniel Micallef, President tal-Partit Laburista, wara ċ-ċerimonja li mmarkat il-ftuħ tat-tlettax-il Parlament Malti.
Nammettu, ħafna attenzjoni marret fuq l-affarijiet materjali, u l-ftuħ huwa proċess li jieħu l-ħin u li mhux kulħadd japprezza t-tifsira tiegħu. Kollox jibda b’wasla l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fejn ikun hemm mixja qasira mill-karozza li twassal lill-Membru Parlamentari mit-triq sal-Katidral innifsu. Kull ma’ trid tagħmel huwa taqsam il-pjazza, imma huwa ħin biżżejjed għal ritratti li jispiċċaw fuq il-ġurnali u fid-dinja online issir xalata. Wara l-quddiesa ssir mixja sal-binja tal-Parlament. Issa li jinsab aktar ‘l bogħod, il-mixja hija itwal. Aktar ħin għall-iskrutinju tan-nies fuq l-aspett estetiku…imma wkoll aktar ħin biex bniedem jawgura lill-Membru Parlamentari jew jesprimi dak li forsi jkun ilu jixtieq jgħidlu. In-nies jieħdu b’idejn xulxin, bews u tgħanniq ma jonqosx. Il-ferħ fuq wiċċ uħud ikun evidenti.
Iċ-ċerimonja attwali fiha t-tajjeb u l-ħażin tagħha. Hemm min jemmen li wasal iż-żmien għal dibattitu dwar ċerimonja inqas simbolika u aktar tanġibbli għan-nies, b’inqas tiżjijn imma aktar ħsieb. Hemm min, minn naħa l-oħra, tgħoġbu l-formalità, sens ta’ serjetà u tradizzjoni li ġġib magħha din l-okkażjoni.
Int x’taħseb?