L-Awtorita Marittima tal-Panama bdiet il-proċess sabiex tirrevoka r-reġistrazzjoni tal-bastiment Aquarius minn fuq ir-reġistru tagħha. L-Awtorita Panamjana spjegat li hija bdiet dan il-proċess wara rapporti minn ġurisdizzjonijiet internazzjonali fejn qalu li l-vapur qed jikser il-liġijiet marittimi fejn jidħol salvataġġ fuq il-baħar. Fi stqarrija qalet li l-Italja ressqet rikors formali fil-Panama fejn qalet li l-vapur irrifjuta li jirritorna lill-immigranti lura fil-pajjiż li salpaw minnu.
Din m’hijiex l-uniku darba li dan il-bastiment kellu r-reġistrazzjoni tiegħu revokata hekk kif ftit tax-xhur ilu safa mneħħi minn fuq ir-reġistru marittimu ta’ Ġibiltà. Dan sar wara li l-vapur ipparteċipa f’attivita ta salvataġġ fuq il-baħar mingħajr ma kien ċertifikat u awtorizzat li jagħmel dan. Dakinhar, l-vapur li kien qed jinkera mingħand kumpanija oħra kien reġistrat bħala “oceanographic vessel” jiġifieri vapur li jwettaq studji relatati mal-baħar.
Bħalissa l-bastiment Aquarius jinsab f’batttibekk diplomatiku ieħor hekk kif ftit tal-jiem ilu ġabar ħdax-il immigrant minn fuq lanċa fl-ibhra Libjani. Minkejja li l-awtoritajiet Taljani qalulu biex isalpa lejn il-Libja sabiex iniżżilhom il-kaptan irrifjuta u reġa kompla bi tfittxijiet fil-baħar Mediterran b’dawn l-immigranti abbord. Din ma kinietx l-unika kwistjoni li l-Aquarius kellu mal-awtoritajiet ta’ salvataġġ Taljani hekk kif ftit tax-xhur ilu wara numru ta jiem maqbud fuq l-ilma l-vapur kien kostrett jidħol Spanja hekk kif huma biss kienu lesti li jilqgħu lil dawn l-immigranti. Ftit tal-ġimgħat wara wara impenn tal-Gvern Malti il-vapur daħal Malta sabiex iħott mal-100 immigrant ieħor li kollha kienu tqassmu f’numru ta’ pajjiżi Ewropej.