Il-bank APS se jibqa’ bit-tir li jakkwista u jinvesti 70% tal-bank HSBC. Dan intqal minn Marcel Cassar, Il-Kap Eżekuttiv tal-APS wara li l-Ħamis waranofsinhar, il-bank APS ippreżenta r-riżultati finanzjarji tas-sena 2024. Il-bank ikkonferma li s-sena 2024 kienet waħda mimlija rekords. Dan filwaqt li l-bank kompla jaħdem għal futur b’saħħtu.
Tul is-sena 2024, il-bank irreġistra profitt qabel it-taxxa ta’ €23.8 miljun, żieda ta’ 13% fi klijenti personali, 30% ta’ transazzjonijiet bil-kard, u 21% ta’ klijenti li jużaw l-applikazzjoni tal-bank ‘myAPS’.
Il-Kap Eżekuttiv tal-bank, Marcel Cassar saħaq li s-sena l-oħra, il-kumpanija investiet ħafna fit-teknoloġija tant li kompliet ittejjeb is-sistema tal-ATMs, biex tkun waħda iżjed faċli għal min jagħmel użu minnha. L-investimenti fit-teknoloġija ammontaw għal 13% żieda mis-sena 2023.
Huwa kompla jgħid li l-bank lesta t-trasformazzjoni tal-fergħa tagħhom fi SkyParks, f’Ħal Luqa u dan kien wieħed ta’ suċċess hekk kif il-kumpanija kompliet tara żieda fil-klijentela tagħhom.
Min-naħa tiegħu, l-Uffiċjal Kap tal-Finanzi, Ronald Mizzi, qal li l-bank kellu profitt sostanibbli fid-depożiti u l-loans tal-klijenti tagħhom. Id-depożiti żdiedu b’iżjed minn 500 miljun ewro fis-sena 2024.
Huwa saħaq li l-kumpanija rat żieda ta’ 40% f’loans għad-djar, it-tieni l-ikbar bank b’self imnut u kummerċjali.
Ir-rapport annwali u finanzarju tas-sena 2024 tista’ ssibu minn san is-sit: https://www.apsbank.com.mt/financial-information/