Il-manuvra li saret bejn il-Ġimgħa u s-Sibt minn esponenti tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil biex juru appoġġ lil Pierre Portelli, hija parti minn strateġija politika maħsuba u maqbula f ’Ħal Lija fl-aħħar jiem. Dan għax hemm min jaf sew li jkun aħjar li ma jdardariex mal-Eks Editur Maniġerjali ta’ The Malta Independent għax inkella jkun qed jissogra li Pierre Portelli jitkellem fid-dettall dwar il-perjodu ta’ qabel ħarġet il-gidba Egrant u l-ġimgħat tal-kampanja elettorali.
Perjodu fejn kif ammetta Portelli nnifsu, fl-aħħar xhur, kien diġà beda jaħseb biex jidħol lura fil-Partit Nazzjonalista. Illum Pierre Portelli huwa l-id il-leminija tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u strateġist ewlieni f ’Tal-Pietà.
Fost oħrajn kien wara d-deċiżjoni ta’ Adrian Delia li wara li ħarġet l-inkjesta Egrant jitlob lil Simon Busuttil jissospendi lilu nnifsu b’mod immedjat mill-Partit Nazzjonalista u għalhekk ħafna ħassewhom sorpriżi bil-fatt li nies bħal Karol Aquilina, Jason Azzopard u Simon Busuttil ħarġu b’kampanja ta’ appoġġ għal Pierre Portelli. Dan għax kienu huma li ħarġu jisfidaw lill-Kap fuq is-sospensjoni ta’ Simon Busuttil. Imma n-nies li jafu sew l-affarijiet fehmuna li hemm żewġ raġunijiet għal dan, filwaqt li spjegaw li din hi gimmick mill-bidu sal-aħħar għax l-istess nies jafu li kwalunkwe deċiżjoni li tista’ tittieħed tkun ibbażata fuq rakkomandazzjoni tal-Maġistrat indipendenti u xejn iktar. Għalhekk hija żejda u mhux f ’lokha l-kelma frame-up. Pierre Portelli lagħab logħba importanti ħafna qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Bħal Simon Busuttil u Daphne Caruana Galizia, Portelli mar iktar minn darba għand il-Maġistrat li kien qed jinvestiga l-allegazzjoni Egrant. Fil-fatt skont l-inkjesta jirriżulta li kien hu li ħa dokument falz għand il-Maġistrat u fil-fatt kien hu wkoll li intervista għal iktar minn darba s-suppost whistleblower Maria Efimova li llum hija skreditata mill-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja. U saħansitra spiċċat attakkata u mgiddba minn Jonathan Ferris, bniedem ieħor li kien qed jintuża mill-kampanja tal-PN. Kien Karol Aquilina li flaħħar jiem beda kampanja jgħid li jrid pubblikament jagħmilha ċara li jekk ser tittieħed azzjoni kriminali kontra Pierre Portelli dan ikun każ ċar ta’ frame-up. “Tkun mhux biss inġustizzja kbira, iżda parodija tal-ġustizzja.
Ħaġa li ssir biss minn dittaturi. Pierre Portelli bħala ġurnalist għamel xogħlu billi fittex, staqsa l-mistoqsijiet u poġġa ruħu għad-dispożizzjoni tal-Maġistrat Bugeja biex tiġi stabbilita l-verità.” Karol Aquilina kiteb li Pierre Portelli għandu l-appoġġ sħiħ tiegħu u bħalu għamlu n-nies ta’ Simon Busuttil. Ħafna għokrithom għajnejhom b’din il-mossa u s-sorsi tagħna ma damux ma kkonfermaw irraġuni.
Din tista’ tkun interpretata wkoll bħala messaġġ lejn Adrian Delia fejn lillKap qed jgħidulu li filwaqt li hu kien lest jarmi lil Simon Busuttil huma se jaqbżu għal Pierre Portelli għax fi kliemhom huma b’saħħithom iktar flimkien. Fil-fatt il-messaġġ tagħhom fl-aħħar jiem kien #strongertogether.
B’hekk flimkien ma’ #notinmyname huwa dan il-messaġġ li beħsiebhom ikomplu jimbuttaw biex fil-jiem li ġejjin jipprovaw isalvaw lil Simon Busuttil. Ta’ min jgħid li sa issa waslu biex ġimgħa wara li Delia talab lil Busuttil jissospendi lilu nnifsu s-sitwazzjoni għadha ma nbidlitx b’Busuttil ma joqgħodx għall-ordni ta’ Delia u kompla jwebbes rasu.