Il-ġimgħa d-dieħla fil-Parlament se jibda jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi dwar il-protezzjoni tat-tfal. Dan l-abbozz jissuġġerixxi biex il-Qorti tkun dik l-entità li tibda tiddeċiedi dwar il-care orders u mhux il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali.
Dan qalu l-Ministru Michael Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet li flimkien ma’ uffiċjali mill-Appoġġ spjegaw il-fatti dwar il-każ xokkanti li tifel ta’ sitt snin kien qed imġiegħel jagħmel atti sesswali ma’ prostituti.
Uffiċjali tal-Appoġġ qalu li huma kienu infurmati b’dan il-każ nhar il-Ħamis wara li l-Pulizija tkellmu mat-tifel waħdu mingħajr ma l-Appoġġ kienet infurmata.
Huma spjegaw li malli sar jaf b’dawn il-każ talbu lill-pulizija biex jagħmel emergency court order iżda din baqgħet qatt ma saret mill-pulizija. Il-ġenituri ffirmaw biex jinżamm f’dar residenzjali.
It-tifel bħalissa jinsab f’dar residenzjali u huwa protett u fl-ebda ħin m’għandu kuntatt jew aċċess għall-ġenituri. Issa ser isir rapport mill-professjonisti biex tinħareġ il-care order.
Il-Ministru Michael Farrugia ċċara li qatt ma ndaħal lill-professjonisti dwar il-care orders
u li dejjem jimxi fuq il-pariri tagħhom.