L-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, l-MDIA, flimkien ma’ Tech.mt, eskills u l-MCAST, nedew tliet inizjattivi sabiex iħajjru u jħeġġu lill-istudenti jifhmu aħjar kif taħdem id-dinja diġitali moderna li qed ngħixu fiha llum il-ġurnata.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘ Inwettqu Flimkien’, indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA Kenneth Brincat spjega kif l-ewwel inizjattiva hija skola tas-Sajf għal studenti ta’ bejn it-13 u l-15-il sena u li l-għan tiegħu huwa li jgħinhom jiġu familjari aktar mal-Intelliġenza Artifiċjali, l-Innovazzjoni Diġitali, il-Codin, il-Blockchain, Metaverse, 3D Printing fost l-oħrajn. Dan se jsir minn Lulju sa Settembru fl-MCAST ta’ Raħal ġdid u huwa miftuħ għal 60 student biss.
It-tieni inizjattiva hija Boot Camp bl-isem ta’ Xploring Intelligence u se jkun organizzat fuq perjodu ta’ ġimgħa bejn il-11 u l-15 ta’ Settembru fl-Universita ta’ Malta. Hawnhekk l-istudenti ta’ bejn is-seba’ sena u t-tmien sena se jifhmu aħjar l-iżvilupp tat-teknoloġija u kif wieħed jista’ jkollu rwol prinċipali fiha.
It-tielet inizjattiva se żżewweġ it-teknoloġija moderna mal-komiks.
Il-Kap Eżekuttiv qal “Illum varajna komiks u li fix-xhur li ġejjin inniedu ħarġiet oħra u l-ewwel ħarġa hija dwar cyber-security li huwa komponent essenzjali fit-teknoloġija. Dan il-comic l-intenzzjoni tiegħu hu li jagħti aktar għarfien dwar it-teknoloġija informattiva lill-qarrejja żgħażagħ tagħna.”
F’din it-tnedija, il-Ministru Schembri saħaq kif din hija xhieda ċara ta’ kif il-gvern jaħdem katina waħda mal-entitajiet, biex ikomplu jedukaw lill-istudenti fuq l-ekonomija diġitali.
L-applikazzjonijiet huma miftuħa u wieħed jista’ japplika fuq is-sit tal-MDIA. Il-postijiet huma limitati u għalhekk l-applikazzjonijiet jagħlqu meta jintlaħaq l-ammont ta’ kemm jistgħu japplikaw.