Fl-elfejn u għoxrin, l-ammont ta’ immingranti li applikaw għall-ażil f’Malta naqas bi kważi erbgħin fil-mija meta mqabbel ma’ sena qabel.
Dan ħareġ f’rapport annwali ppubblikat mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, l-EASO, dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt matul is-sena l-oħra applikaw elfejn, erba’ mija u tmenin persuna għall-kuntrarju tal-erbat elef u disgħin persuna li applikaw fl-elfejn u dsatax.
Il-maġġoranza tagħhom, mal-ħmistax fil-mija, kienu ġejjin mis-Sudan.
In-numru ta’ applikazzjonijiet ta’ minuri li ma kinux akkumpanjati mill-ġenituri kien biss ta’ għaxra; li jfisser ħamsin fil-mija inqas mill-elfejn u dsatax.
Ħamsa u sebgħin immigrant ingħataw status ta’ refuġjat mill-ewwel, u aktar minn sitt mitt applikazzjoni ġew irrifjutati.
Ħames persuni ngħataw protezzjoni umanitarja u mija u disgħin persuna ngħataw protezzjoni sussidjarja.
Ir-rapport wera wkoll li l-Unjoni Ewropea flimkien ma’ xi pajjiżi oħra, fl-elfejn u għoxrin raw l-inqas numru ta’ applikazzjonijiet għall-ażil mill-elfejn u tlettax.
Primarjament dan in-nuqqas kien minħabba mobilità u vjaġġar restritt tul l-aħħar sena.
Minkejja t-tnaqqis fl-ammont ta’ applikazzjonijiet li esperjenzaw diversi pajjiżi, ir-Rumanija rreġistrat żieda ta’ mija u tmienja u tletin fil-mija fin-numru ta’ applikazzjonijiet u warajha hemm il-Bulgarija b’żieda ta’ erbgħa u sittin fil-mija.
Żewġ terzi tal-applikazzjonijiet tal-elfejn u għoxrin ġew irreġistrati fil-Ġermanja, Franza u Spanja.
Fir-rapport l-EASO rrikonoxxiet li Malta flimkien mal-Greċja u Ċipru jinsabu taħt pressjoni kbira biex jirċievu u jakkomodaw applikanti għall-ażil meta tikkunsidra l-popolazzjoni u l-Prodott Domestiku Gross tal-pajjiżi.