L-awtorità Transport Malta ħabbret li l-applikazzjonijiet għall-kategoriji kollha tal-liċenzja tas-sewqan iridu jibdew jiġu sottomessi u pproċessati bis-sħiħ permezz tal-portal tagħha liċenzji-xufiera.gov.mt.
Din il-qalba diġitali se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Ottubru, bl-applikazzjonijiet fiżiċi li se jiġu aċċettati biss f’każi limitati u speċifiċi.
Fi stqarrija, TM qalet ukoll li, permezz tal-portal stess, li tnieda fl-2022, wieħed diġà jista’ jaċċessa numru varji ta’ servizzi, fosthom aċċess biex tiċċekkja l-punti penali tal-liċenzja tas-sewqan, ordnijiet urġenti tal-liċenzja jew ġbir personali kif ukoll tiġdid minn rappreżentanti ta’ kumpaniji tal-assigurazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom.
Transport Malta tenniet li, biex il-pubbliku jkun jista’ jinqeda b’mod konvenjenti u aħjar, sar titjib konsiderevoli tal-portal, waqt li qalet li tinsab kommessa li tintroduċi kunċetti ġodda ta’ one-stop-shop.
Aktar tagħrif jista’ jinkiseb permezz ta’ imejl fuq dls.tm@transport.gov.mt jew bit-telefown fuq 80072393.