Individwi u kumpaniji li jixtiequ jiksbu liċenzja tal-kuntratturi biex ikomplu bl-operat tagħhom, qed ikunu mitluba japplikaw f’din l-ewwel fażi biex jibda l-proċess biex jiksbu liċenzja.
ONE News żar il-binja l-ġdida tal-Awtorità tal-Bini u l-Konstruzzjoni fejn minnha bħalissa l-ħaddiema kollha tal-awtorità qed joperaw, liema binja se tilqa’ fiha ħaddiema ġodda fosthom spetturi tal-infurzar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Infurzar fi ħdan il-BCA, Martin Farrugia spjega kif l-applikazzjonijiet jinsabu miftuħin u għandhom sa tmiem Ottubru.
Sa issa diġà daħlu mijiet ta’ applikazzjonijiet.
“Meta japplikaw għandhom jindikaw jekk hux individwi jew bħala kumpanija għax id-dokumenti huma differenti. Anke aħna se nindunaw kemm hemm kumpaniji jew sħubiji u b’hekk inkunu nafu kemm hemm. Jekk se japplikaw bħala kumpanija, iridu jaraw x’dokumenti hemm bżonn biex b’hekk meta japplikaw isibhom lesti u japplikaw onlajn, għax l-applikazzjonijiet jistgħu jsiru onlajn biss.”
Il-proċess hu wieħed issimplifikat biex jiffaċilita l-aċċess għal kull individwu b’kull applikazzjoni; bid-dokumenti kollha neċessarji, għandhom isiru onlajn minn fuq is-sit tal-BCA.
“Din l-applikazzjoni li se jidħlu issa se jkollna attwalment x’hemm hemm barra, stampa aktar ċara ta’ tliet tipi ta’ kuntratturi ta’ dawk li jagħmlu xogħol ta’ demolizzjoni, ta’ skavar u ta’ bini. Dawn, il-fatt li diġà li qed japplikaw, mill-memorja nista’ ngħid li ġejt infurmat li hemm mijjiet ta’ applikazzjoni.”
Farrugia spjega li hi ta’ importanza kbira biex kull individwu li jopera għal rasu f’dan is-settur, japplika għal din il-liċenzja, biex ikun jista’ jkompli bl-operat tiegħu.
Hu spjega wkoll dwar kif din il-liċenzja se tnaqqas l-abbużi f’dan is-settur filwaqt li tissalvagwardja saħħet il-ħaddiema u toffri serħan il-moħħ.
“Se tkun żgurata l-kompetenza tan-nies li se jitqabbdu fejn b’hekk dawk li se jkunu qed iqabbdu lil dawn il-kuntratturi jkollhom aktar serħan il-moħħ li lil dak li se jqabbad hu kkwalifikat biex jagħmel dan ix-xogħol, se tiġi salvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà hekk kif se jkunu kompetenti u ċċertifikati filwaqt li jinqatgħu barra l-kuntratturi li mhux kkwalitifkati u m’għandhomx ħiliet.”
Kull min hu interessat li japplika għal-liċenzja tal-kuntratturi jista’ jaċċessa s-sit tal-BCA fuq bca.org.mt u jsegwi l-proċess fis-sezzjoni tal-applikazzjonijiet.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 20955000.