Apple bdiet timmanifattura l-iPhone 14 fl-Indja, hekk kif qed tiddiversifika l-produzzjoni tal-prodott ‘l bogħod miċ-Ċina.
Sa ftit ilu l-kumpanija kienet timmanifattura l-biċċa l-kbira tal-mobiles tagħha fiċ-Ċina, iżda issa bdiet tfittex swieq oħra, fid-dawl ta’ żieda fit-tensjoni bejn Washington u Beijing. Il-politika ‘żero-Covid’ fiċ-Ċina qed twassal għal lockdowns mifruxa, u dan qed jikkawża tfixkil kbir għan-negozji matul il-pandemija.
Il-ġgant tat-teknoloġija Apple żvela l-aħħar iPhone aktar kmieni dan ix-xahar, u qed ikun ippreżentat bħala mobile ferm iktar sigur għal min jużah minn mudelli preċedenti.
Billi tinvesti fl-Indja, Apple qed tfittex ukoll li żżid l-impronta tagħha fil-pajjiż. Mis-sena li għaddiet, is-sehem tas-suq tagħha hemmhekk kien ta’ madwar 4%. Il-ġgant Amerikan Apple ilu jissielet biex jikkompeti mal-ismartphones ferm irħas li ġejjin mill-Korea t’Isfel u miċ-Ċina, li sa issa jkomplu jiddominaw is-suq tal-ismartphones Indjan.