Hekk kif sitta u tmenin fil-mija tal-popolazzjoni adulta f’pajjiżna tlaqqmet kontra l-COVID-19, xorta għad hawn persuni li rrifjutaw il-vaċċin. Ix-xettiċiżmu dwar it-tilqima kontra l-virus jeżisti madwar id-dinja kollha.
Dan ix-xettiċiżmu qed iwassal għal dik li qed tissejjaħ pandemija fost dawk mhux imlaqqma, minħabba li l-maġġoranza tal-vittmi tal-virus ma kienux imlaqqma.
Ma’ ONE News, il-Professur Anthony Serracino Inglott, Chairman tal-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini, innota kif meta wieħed jirrifjuta li jitlaqqam, ikun qed jipperikola ħajtu u l-ħajja tan-nies madwaru.
Fost l-argumenti tad-dimonstranti fil-Belt Valletta f’Lulju, kienu bosta li argumentaw li l-vaċċin għandu jittieħed min-nies vulnerabbli.
Il-Professur Serracino Inglott innota li dan huwa ħsieb żbaljat, hekk kif bosta nies mhux vulnerabbli li mardu bil-Covid-19 spiċċaw tilfu ħajjithom.
“Għalkemm lilhom jista’ ma jagħmillhom xejn, ma joqtolhomx, dawn in-nies iridu jżommu f’moħħhom li fis-soċjetà tal-lum, int ma taħsibx b’ħajtek biss, imma ngħid li kważi huwa obbligu u dover li tieħu ħsieb lil għajrek, hija l-iżjed ħaġa fundamentali.”
Rigward il-varjant li qed jiddomina d-dinja, huwa stqarr li kull persuna mlaqqma kontra l-Covid-19, hija persuna inqas li tista’ tintuża mill-virus innifsu biex jinħoloq varjant ġdid.
“Iżjed ma jitlaqmu nies, inqas hemm ċans li jkollna varjanti oħrajn. Inqas ma jkun hawn il-virus jimmultipplika, u biex jimmultipplika jrid host, jiġifieri l-bniedem, inqas ma ntuh fejn jimmultipplika, inqas ikun hemm varjanti.”
Il-Professur S għalaq b’appell lil kull min għadu ma tlaqqamx, u stqarr kif issa m’hemmx dubju li dan il-vaċċin huwa wieħed effettiv.
“L-appell huwa għal kulħadd biex ifittex u jmur jitlaqqam. Jitlaqqam għall-ġid tiegħu, tal-familja tiegħu, għall-ġid tas-soċjetà għax din issa hija pruvata, m’għadiex iżjed teorija, hija pruvata bin-numri li l-vaċċin huwa, tista’ tgħid is-soluzzjoni prinċipali.”