B’investiment ta’ aktar minn mija u sittin elf ewro ġew mħabbra tliet proġetti li bl-Intelliġenza Artifiċjali ser iwasslu għall-użu tal-lingwa Maltija fl-industrija u fl-edukazzjoni, daqs lingwi barranin oħra. Dawn ser iwasslu għal Malti miktub, mifthiem u ipproċessat bħal lingwi barranin.
Dawn it-tliet proġetti ta’ riċerka, bl-isem ta’ Speech Processing, Text Processing u Edu AI se iwasslu issa biex jibda jkollna użu aktaw wiesgħa tal-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali. Permezz tal-proġett tal-‘Speech Processing’, ir-riċerkaturi ser ikunu mgħejjuna sabiex il-lingwa mitkellma tiġi mifthema mis-sistemi, u għaldaqstant tkun tista’ tiġi pproċessata. Il-proġett bl-isem ta’ ‘Text Processing’,se iwassal biex ir-riċerkaturi se jkunu qed isaħħu l-għodda teknika sabiex il-Malti miktub jiġi mifthiem u pproċessat f’din is-sistema. Intant, bil-proġett ‘Edu AI’, l-Intelliġenza Artifiċjali tista’ tkun għodda assistiva fis-settur tal-edukazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, l-MDIA, Stephen McCarthy spjega li mill-elfejn u dsatax ‘l hawn, l-Awtorità ħadmet fuq pjan t’azzjoni sabiex l-inizjattivi fl-Istrateġija Nazzjonali tal-Intelliġenza Artifiċjali isiru realtà.
Qal, “Dawn jinkwadraw minn ħafna miżuri li aħna irridu nieħdu ħsieb li jsiru f’din l-istrateġija. F’din l-istrateġija sitt proġetti li huma maġuri li aħna qedin fuqhom, imma apparti sitt proġetti maġġuri hemm xi sebgħin oħra fosthom inizjattivi bħal dawn.”
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella spjega li dan l-investiment se ikompli jixpruna t-tagħlim tal-lingwa Maltija, hekk kif se jinħolqu l-għodod meħtieġa sabiex kompjuter ikun kapaċi jifhem u jiġġenera kitba bil-Malti.
Spjega, “Partnership mal-Gvern, biex inpoġġu dawn ir-riżorsi fiżiċi ta’ flus fl-Università ħalli x-xogħol li nistgħu u nkunu kapaċi nagħmlu iseħħ.”
Waqt konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru għall-Ekonomij Silvio Schembri spjega li l-għan tal-Intelliġenza Artifiċjali huwa, li mhux biss jinħolqu iktar impjiegi f’dan is-settur, imma ukoll li l-benefiċċji miġjuba minn din il-mewġa ta’ innovazzjoni tilħaq iżjed faxxex fis-soċjetà Maltija.
Il-Ministru spjega li għalhekk li l-MDIA allokat dawn il-fondi, sabiex toffri l-appoġġ meħtieġ biex tintlaħaq il-mira tal-Gvern, li pajjiżna jinbidel fl-aqwa ġurisdizzjoni li minnha jiġu xprunati l-ideat relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali.
Qal, “Fuq livell ġenerali irridu naraw li nkomplu nixprunaw l-attività ekonomika li teqleb iktar u tinvolvi iktar l-attività ta’ teknoloġija b’mod partikolari f’din it-teknoloġija tal-attività artifiċjali.”