“Id-device biddel ħajjet Deijean. Il-kliem mummy u I love you sirt nismagħhom.”
Dan kien is-sentiment ta’ Maryanne Micallef, omm Deijean, tifel ta’ 13-il sena li jinsab fuq l-ispettru tal-awtiżmu.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, Maryanne stqarret li fil-bidu, meta t-tifel kellu biss erba’ snin u saru jafu li għandu din il-kundizzjoni, kienet sajjetta fil-bnazzi.
“Deijean illum għandu 13-il sena u ilu bil-kundizzjoni minn mindu għalaq 4. Fil-bidu kienet daqsxejn iebsa sakemm aħna aċċetajniha ovvjament, sakemm tgħid lill-familjari, ħbieb eċċetra. Għalih kienet iebsa wkoll.”
Deijean li kien magħna fuq is-sufan kellu apparat f’idu li biddilu ħajtu. Dan l-apparat pprovdut mill-Malta Trust Foundation jgħin lil tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu u għandhom problema ta’ komunikazzjoni.
Maryanne spjegat li dan l-apparat fih software partikolari għal kull individwu u jgħid dak kollu li Dejean jikteb fuqu b’leħen ta’ tifel.
Lil Deijean dan l-apparat mhux għenu biss jikkomunika aħjar man-nies imma wkoll ikun aktar indipendenti.
“Għenitu ħafna għaliex qabel hu kien non-verbal u aħna biex nitkellmu konna jew nużaw biċċa karta u biro jew il-mobile tiegħi ovjament jikteb u jien irrid naqra jew ma kien jgħix li assulutament xejn u eżempju jkun ma jiflaħx u jkolli ninduna jiena x’għandu. Issa bid-device nistgħu nikkomunikaw flimkien. Għinu ħafna lilu qed jtkellem ħafna iktar, qed jgħid ħafna iktar kliem u sentenzi u bis-saħħa tad-device sar iktar indipendenti.”
L-iktar ħaġa li kienet tafgħas qalb Maryanne qabel ma kellu dan l-apparat kienet li lit-tifel ma kinitx tisimgħu jitkellem u l-kliem bażiċi li kull omm tixtieq li tisma’ bħal inħobbok ma kinitx tismagħhom.
“Il-main reason li kienet tweġġani u naħseb ħafna mill-ġenituri li għandhom t-tfal bl-awtiżmu se jaqblu miegħi il-fatt li pereżempju mummy ċertu basic words ma kienx jgħidhomli. Illum il-ġurnata jgħidli mummy, love you, dak iċ-ċertu basic words illum il-ġurnata qed nismagħhom.”
Fl-aħħar Maryanne appellat lill-Maltin u l-Għawdxin kollha biex fl-20 ta’ Mejju jgħinu fil-maratona tal-Malta Trust Foundation biex tfal bħal Deijean ikunu jistgħu jgħixu ħajja aktar komda.
“Il-Maltin naf kemm huma ġenerużi kull darba jkunu minn tal-ewwel f’dawn il-maratoni jiġifieri nħeġġiġom biex jgħinu, il-ftit mingħand il-ħafna se tgħin żgur.”