L-Aġenzija Sapport u d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità ffirmaw ftehim li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet għall-benefiċċju tal-anzjani u ta’ persuni b’diżabilità.
Dan il-ftehim, li jkopri medda ta’ tliet snin, se jwassal biex id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità joffri servizzi lill-persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ Aġenzija Sapport, inkluż dawk mill-infermieri u carers tal-Commcare, fiżjoterapija, servizzi ta’ podjatrija u occupational therapy, filwaqt li se jkun qed iwitti t-triq ukoll għal aktar kollaborazzjoni bejn professjonisti taż-żewġ entitajiet biex ikun assigurat li persuni b’diżabilità jiġu riferuti lejn servizzi fil-komunità.
Minbarra hekk, persuni li għandhom ’il fuq minn 60 sena u li għadhom jgħixu fil-komunità u li jiġu riferuti lejn id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, jistgħu jingħataw assistenza biex jixtru apparat assistiv li bħala servizz hu pprovdut minn Aġenzija Sapport.
Persuni b’diżabilità taħt is-60 sena jistgħu jibbenefikaw minn servizzi pprovduti mid-Dipartiment, filwaqt li persuni b’diżabilità li jgħixu f’residenza tal-anzjani u huma taħt is-60 sena, se jkunu qed jingħataw is-sapport meħtieġ mill-professjonisti ta’ Aġenzija Sapport.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea.
Il-Ministru Portelli tenniet tgħid li dan il-ftehim se jkun ta’ importanza kbira għall-anzjani u għall-persuni b’diżabiltà.
Dan il-ftehim hu importanti ħafna. Ħafna drabi meta nitkellmu dwar persuna b’diżabiltà nħarsu lejn tifel jew tifla li għadha titwieled jew se tibda tmur l-iskola, imma ninsew li dawn se jkunu adulti u se jsiru anzjani u jqarrbu qrib l-età tal-anzjanità. Allura rridu naraw li dawn is-servizzi, li issa se jiġu estiżi mill-anzjanità għal dawk li huma inqas minn 60 sena, se tkun tfisser ħafna, għax se jkollna dawn is-servizzi li se jibdew jingħataw ukoll lil dawn il-persuni b’diżabiltà.
il-Ministru Julia Farrugia Portelli