Ottubru hu x-xahar iddedikat għall-anzjani, għalhekk il-Ministeru għal Għawdex immarkah bil-ftuħ ta’ day care centre fil-Qala.
“Wara li fil-leġiżlatura li għaddiet infetħu ċentri għall-anzjani fix-Xewkija, f’Taċ-Ċawla fir-Rabat u f’Ta’ Sannat, u kien hemm ċentru ieħor ippjanat għaż-Żebbuġ, inħasset il-ħtieġa li s-servizz ikompli jespandi u llum ftaħna day care centre għall-anzjani fil-Qala bi ftehim mal-Kunsill Lokali”, qalet il-Ministru Justyne Caruana.
Dan id-day care centre jifforma parti minn kullana ta’ servizzi programmati li jinfetħu fil-futur f’Għawdex. “Dan qed iseħħ għax l-anzjani rrispondew bi ħġarhom għal dawn is-servizzi, partikolarment dawn iċ-ċentri fejn jingħataw taħriġ u korsijiet f’diversi oqsma interessanti, fosthom korsijiet dwar l-użu tal-kompjuter u tal-internet”, qalet il-Ministru. “Importanti li l-anzjani jħossuhom parti mill-komunità u jibqgħu attivi, speċjalment meta jinsabu f’età b’aktar ħin għad-dispożizzjoni tagħhom”.
Kif imwiegħed, il-Gvern se jkompli jagħti prijorità lil dan il-qasam, mhux b’inqas f’Għawdex fejn se tinfetaħ dar tal-anzjani f’Għajnsielem, bil-ħsieb li f’Għawdex ikun hawn b’kollox 500 sodda ġdida għal dan l-għan. Il-Ministru rringrazzjat lill-Kunsill Lokali tal-Qala mmexxi mis-Sindku Paul Buttigieg għal din l-inizjattiva.
Is-Sindku tal-Qala rringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex għal dan il-kontribut siewi li qed jagħti lill-komunità tal-Qala permezz tal-ftuħ tad-day care centre u ħeġġeġ biex aktar anzjani jagħmlu użu minn dan is-servizz bla ħlas.
Ritratt: MGOZ