Daħal fit-tielet xahar is-servizz tat-tuk tuk għall-anzjani sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-qadi tagħhom ta’ kuljum u jkollhom aktar aċċess għal servizzi u għall-attivitajiet soċjali. Dan il-proġett pilota preżentament qed jitħaddem fil-Gżira, il-Mosta u ż-Żurrieq.
Is-servizz tat-tuk tuk intlaqa’ sew mill-anzjani, li issa jistgħu iserrħu moħħhom minn servizz ta’ transport saċ-ċentru tar-raħal meta ma jkunux jistgħu jaslu bil-pass.
Tkellimna ma’ Joseph Abela, li qalilna kif is-servizz hu ta’ għajnuna kbira għalih sabiex jagħmel il-qadi ta’ kuljum, peress li jgħix waħdu.
Qal li “Kultant ikollek bżonn mingħajr ma trid tinżel lejn iċ-ċentru tar-raħal jew inkella forsi tmur tixtri jew tinqeda mill-berġa jew il-policlinic jew tiġi għand l-ispiżjar ssibu eċċelenti ħafna jien għalija ġiet iċ-ċirasa fuq il-kejk.”
Is-Sur Abela ta’ tnejn u sittin sena spjega kif is-sitwazzjoni inbidlet minn dik li kien jesperjenza sa ftit tax-xhur ilu.
Abela qal “Toqgħod bħar-riħ tal-purgatorju tistenna ‘l xi ħadd forsi jwasslek jew inkella ddaħħal idek fil-but u ċċempel għal taxi.”
U skont is-Sur Abela, ħbieb tiegħu li jagħmlu użu mis-servizz f’lokalitajiet oħra kellhom kliem ta’ apprezzament.
Qal “Kellimt ħabib tiegħi miż-Żurrieq, l-istess jużah. Qalli l-istess bħali, qdieni mill-koxxa.”
Is-sur Abela jixtieq jara li anzjani f’lokalitajiet oħra jibdew igawdu minn das-servizz ukoll.
Spjega li “Għal hawn, il-Mosta bħali nsibu sewwa. Għalfejn għal postijiet oħra m’għandhomx ikellem is-servizz ukell? Jien għalija sewwa jagħmel jestendi s-servizz f’postijiet oħra.”
Mill-ewwel ta’ Ottubru li għadda meta s-servizz tnieda sa issa id-domanda żdiedet minn ġimgħa għall- ġimgħa, tant li bħalissa qedgħin jiġu offruti ‘l fuq minn mija u għoxrin vjaġġ fil-ġimgħa.
L-anzjani jistgħu jagħmlu użu mis-servizz tat-tuk tuk sabiex ikunu jistgħu jattendu diversi appuntamenti bħal dawk tal-bank u tal-polikliniċi, biex jixtru minn ħwienet jew il-monti u anka biex imorru il-knisja jew iċ-ċimiterju.