L-anzjani kollha li joqogħdu ġewwa r-residenzi għall-anzjani tlaqqmu kollha kontra l-COVID-19.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia fejn spjega kif il-proċess tat-tilqim kontra l-Covid-19 fid-djar tal-anzjani tlesta fi żmien aħjar minn dak previst.
Kompla jispjega li l-proċess ta’ tilqim fid-39 dar tal-anzjani kopra iżjed minn 3,700 resident u iktar minn 2,800 impjegat ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin.
Il-Ministru Farrugia spjega li l-proċess ta’ tilqim għar-residenti fid-djar tal-anzjani beda fis-7 ta’ Jannar li għadda, fid-Dar tal-Madonna tal-Mellieħa, waqt li l-impjegati bdew jieħdu t-tilqima jumejn wara.
Farrugia spjega li l-proċess kollu sar b’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tal-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali u l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-proċess tat-tilqim lil dawk l-anzjani li jgħixu fil-komunità u li ma jistgħux joħorġu mid-dar. Dan il-proċess beda fil-25 ta’ Jannar li għadda u minn nhar it-Tnejn li ġej se jibda t-tilqim tal-anzjani Għawdxin bi problemi ta’ mobilità ġewwa r-residenza privata tagħhom stess.
Fuq l-istess rigward, sal-4 ta’ Marzu li għadda ngħatat l-ewwel doża tat-tilqima lil 1,285 anzjan filwaqt li 641 anzjan ingħataw it-tieni doża fir-residenza privata tagħhom.