Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ngħata merħba mill-isbaħ fis-City Theatre tal-General Workers’ Union fil-Belt mill-anzjani, f’rally għall-pensjonanti erbat ijiem qabel jum il-votazzjoni.
Quddiem dawk li ħadmu bl-għaraq ta’ xbinhom, il-Prim Ministru tkellem dwar ir-realtà kiefra li kien affaċċjat biha fil-pandemija, meta l-esperti mediċi qalulu biex jieħu ħsieb l-anzjani għaliex huma l-aktar vulnerabbli.
Dakinhar ta direzzjoni ċara biex isir dak kollu li hemm bżonn biex tiġi mħarsa s-saħħa tal-anzjani.
U bħalma Gvern Laburista nvesta fl-anzjani f’pandemija, l-istess għamel tul is-snin u se jibqa’ jagħmel fiż-żmien li ġej.
Fost l-ewforija tal-anzjani preżenti, il-Prim Ministru qal li mal-Partit Laburista jafu b’kemm se jiżdiedu fil-pensjoni tagħhom.
Mal-Partit Nazzjonalista kellhom snin ta’ ffriżar fil-pensjoni u mkien fil-manifest elettorali m’hemm imniżżel b’kemm se tiżdied il-pensjoni.
Qal, “Nhar is-Sibt li ġej, l-anzjani tagħna se jkunu qed jiddeċiedu dwar il-futur tagħhom. Se jkunu qed jiddeċiedu dwar jekk iridux żieda fil-pensjoni tagħhom ta’ ħmistax-il ewro fil-ġimgħa, kif ukoll mediċini b’xejn, formularju iktar wiesa’, jew jekk imorrux għall-għażla li qed joffri l-Partit Nazzjonalista li jiena qallibt il-verżjonijiet kollha li ressaq il-Partit Nazzjonalista, ħames verżjonijiet, u jekk tara dwar il-verżjonijiet, lanqas tifhem x’qed jgħidu, baħħ hemm. Verament li l-pensjonanti mal-Partit Nazzjonalista ma jafux fejn qegħdin u għalhekk barra l-futur tagħhom, il-pensjonanti se jiddeċiedu wkoll dwar il-futur tat-tfal tagħhom, il-futur tan-neputijiet u l-futur tal-pajjiż u għalhekk l-importanza li nhar is-Sibt kulħadd joħroġ jixħet il-vot tiegħu favur li dan il-pajjiż jibqa’ miexi ’l quddiem.”
Ir-rally tal-anzjani kien indirizzat ukoll mis-Segretarju Ġenerali tal-Generl Workers Union Josef Bugeja li qal lil dawk quddiemu kif huwa bis-saħħa, il-ħiliet u l-għaqal tagħhom li llum qegħdin hawn.
Huwa faħħar il-miżuri soċjali favur l-anzjani fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista bħal żieda oħra fil-pensjonijiet u mediċini b’xejn għall-anzjani.
Spjega, “Il-General Workers Union inħolqot biex tmexxi l-prinċipju tas-solidarjetà, valuri soċjali u mobilità soċjali u biex inwieżnu lil dawk l-iktar vulnerabbli, fosthom il-pensjonanti, u dak l-għan għadna ngħixuh u se nibqgħu ngħixuh.”
Is-Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti fi ħdan il-General Workers’ Union, Tony Zarb fisser kif is-Sibt li ġej, l-anzjani jridu jagħżlu bejn min jibgħat il-kontijiet u min jagħti ċ-ċekkijiet biex jgħin fi żminijiet ta’ sfida.
Qal, “Pajjiżna għandu bżonn kaptan b’saħħtu, li Robert Abela wera kemm hu kaptan b’saħħtu għax mexxa lil pajjiżna fl-iktar żminijiet diffiċli aħseb u ara x’inhu ġej fil-bnazzi.”