Il-fidi reliġjuża waqt iż-żmien ta’ sfida li ġab miegħu l-COVID-19 fost l-anzjani żdiedet, hekk kif ħafna ħassewhom li t-talb għenhom biex jegħlbu l-biża’ li ġabet magħha l-pandemija.
Dan ħareġ minn stħarriġ li sar fost 1,100 parteċipant b’demografiji differenti, li ħadu sehem f’dan l-istudju li sar online mill-Fakultà tat-Teoloġija fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Il-Professur tat-Teoloġija, ir-Reverendu Paul Galea tenna li l-istampa fl-aħbarijiet internazzjonali tas-sitwazzjoni diżastruża fosthom fil-pajjiż ġar tagħna l-Italja setgħet wasslet għal aktar biża’ u ħsibijiet.
“L-aktar li jħossuhom vulnerabbli ovvjament huma l-anzjani, kif qalu anke t-tobba jgħidulna, dik ovvjament setgħet ġabet ukoll reazzjoni anki eżistenzjali, speċi s-sens tal-ħajja: x’se nagħmel, x’se nħalli warajja jekk hux se nħalli unfinished business warajja.”
Ir-riċerka f’dan l-istudju bdiet f’Ġunju tas-sena l-oħra u turi wkoll illi l-pandemija waslitna nużaw aktar mezzi diġitali.
Il-Professur tat-Teoloġija Morali Nadia Delicata tenniet li dan wassal ukoll bidla fil-mod kif ir-reliġjon tiġi pprattikata.
“U jien naħseb li hemmhekk li hemm bżonn proċess ta’ riflessjoni mhux biss mill-att ta’ knisja imma mil-att tagħna bħala poplu Malti ta’ kif nixtiequ fil-fatt li aħna bħala Maltin inkomplu ngħixu din ir-realtà li hija aktar diġitali.”
Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella sostna li dawn it-tipi ta’ riċerki jagħtu stampa dwar is-soċjetà Maltija.
“La darba għall-Maltin, bħal popli oħrajn, ir-reliġjożità għadha importanti, li wieħed ikun jaf x’qiegħed jiġri f’dak li għandu x’jaqsam mal-interazzjoni bejn in-nies u r-reliġjon tagħhom, hija mingħajr dubju hija importanti li wieħed ikun jaf u l-effetti illi l-pandemija kellha f’din l-interazzjoni hija ta’ interess.”