Permezz ta’ ftehim li sar, l-anzjani ħa jkunu jistgħu żuru ċ-ċentru għax-xjenza interattiva, l-Esplora, nofs prezz.
Permezz ta dan il-ftehim, l-anzjani se jkollhom ukoll xi skontijiet mill-Kafetterija li hemm fl-Esplora.
F’dan iċ-ċentru, l-anzjani se jkollhom l-opportunità jattendu attivitajiet li tgħinhom jifhmu iżjed dak kollu li għandu x’jaqsam max-xjenza.
F’kumment ma’ ONE NEWS, Clayton Cutajar, id-Deputat Direttur tal-Esplora qal li attività minnhom ħa tkun qed tinvolvi xi qwiel Maltin.
Huwa fisser: “It-tema ta’ dawn il-workshops huma affarijiet li ħadnieha mill-anzjani mir-rispons tagħhom, pereżempju ħa nkunu qed nużaw qwiel Maltin u noħorġu osservazzjonijiet u anke esperimenti minnhom bħal pereżempju iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma u l-anzjani se jkollhom il-possibilità illi jiddiskutu l-qawl, jgħidu jekk qattx għamlu użu minnu.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia stqarr li dawn l-attivitajiet ħa jgħinu lill-anzjani jkattru l-għarfien tagħhom.
Il-Ministru Farrugia qal, “U anke eventwalment jistgħu jifhmu is-saħħithom. Dan huwa mod kif flimkien l-anzjani kif ukoll dipartimenti oħrajn illi jħarsu lejn l-innovazzjoni u lejn ix-xjenza, naraw kif nistgħu naħdmu flimkien għall-ġid tat-tnejn.”
Il-Ministru għall-Innovazzjoni u r-Riċerka Owen Bonnici qal li ftehim bħal dan iħares lejn it-tagħlim tal-anzjani, li wkoll għandhom dritt jibqgħu attivi mentalment.
Huwa stqarr: “Aħna rridu iktar sezzjonijiet tal-komunità tagħna jersqu viċin tagħna u viċin ix-xjenza għaliex hemm ħafna ġid li joħroġ meta jiġri hekk u aħna rridu wkoll li l-anzjani tagħna jersqu viċin dan is-settur li huwa importanti ħafna għall-avvanz u l-futur tal-pajjiż tagħna.”
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pulicino Orlando qal li l-anzjani qatt m’għandhom jaqtgħu qalbhom u ħeġġiġhom iżuru l-Esplora.