Il-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva għaddej b’ħidma kontinwa biex sal-aħħar ta’ Marzu, id-djar tal-anzjani kollha tal-Gvern, ikunu attrezzati bis-servizz tal-wi-fi.
Is-servizz se jkun fil-kmamar kollha biex l-anzjani jkunu jistgħu jużaw l-internet fil-privatezza u fil-kumdità ta’ kamarthom.
L-ewwel dar tal-anzjani li ġiet mgħammra b’wi-fi aċċessibbli minn kull kamra hija dik tal-Imtarfa, li mis-Sibt, il-mija u tlieta u għoxrin anzjan u anzjana li jgħixu f’din id-dar, bdew jużaw l-internet anki mill-kamra tagħhom, u m’għandhomx għalfejn imorru f’post wieħed biex ikellmu lill-qrabathom b’mod virtwali.
L-istess servizz se jingħata fid-djar tal-anzjani tal-Furjana, tal-Mosta, tal-Mellieħa, taż-Żejtun, ta’ Bormla u f’Zammit Clapp.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva, Renzo DeGabriele, qal li dan l-investiment kien importanti mmens, speċjalment matul il-pandemija meta ħafna anzjani ħassewhom waħedhom u ’l bogħod mill-familja.
Qal kif, “U għax aħna l-iskop tagħna huwa mhux li l-anzjan, il-kelma kerha li tintuża, mhux jissakkar ġo dar iżda jkun ikkurat ġo dar tal-anzjani u jibqa’ f’kuntatt mal-oħrajn. Il-pandemija ġabet magħha ħafna sfidi però aħna qegħdin nuru li rridu dawn negħlbuhom u rridu naraw proġetti għall-futur biex aħna ngħaqqdu l-anzjani u nżommuhom fil-komunità.”
F’konferenza tal-aħbarjiet quddiem id-dar tal-Anzjani tal-Mtarfa, il-Ministru Michael Farrugia, qal li fid-djar tal-anzjani kollha se jitjiebu s-servizzi mhux biss dawk ta’ diġitalizzazzjoni imma wkoll servizzi għall-kura aħjar.
Spjega li, “Dan huwa parti żgħira mill-bidliet kollha li fix-xhur li ġejjin ħa nkunu qed nagħmlu. Għaliex aħna lil-anzjani li fil-passat ħallewlna lil Malta kif inhi issa għandna xogħol li ntejbuha u filwaqt li ntejbuha rridu nirritornaw ħajja aħjar u ta’ wens ukoll u ta’ servizz lill-anzjani tagħna.”
Fl-Imtarfa wkoll qed issir ħidma biex tinħoloq faċilità għall-kura tad-dimensja.