L-anzjani se jkunu fil-qalba taċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-125 sena ta’ ħidma fir-residenza San Vinċenz de Paul li fiha jgħixu 1,200 persuna flimkien m’2,400 impjegat biex jassiguraw dinjità u ħajja feliċi għal dawn ir-residenti.
Sabiex tkun mfakkra il-ħidma tul dawn is-snin, se jkun segwit programm ta’ ċelebrazzjonijiet, b’attivitajiet fir-residenza stess, u li se jsiru b’koperazzjoni bejn diversi entitajiet. Spettaklu ta’ divertiment u talent, bil-banda tal-Forzi Armati se jkollha sehem importanti, biex ikun hemm verament promozzjoni t’anzjanità attiva.
Dalghodu s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Justyne Caruana żaret lill-anzjani u l-ħaddiema u b’sodisfazzjon fakkret il-ħidma li saret matul dawn l-aħħar erbgħa snin. Caruana fakkret li se tinfetaħ sala oħra fejn se tkun qed tilqa’ koppji anzjani li sa issa kienu qed jgħixu mifrudin.
Fuq kollox huma l-anzjani stess li jistgħu jixhdu l-attenzjoni kbira u l-kura effetiva li jingħataw, kif spjegatilna anzjana bi tbisisma fejn qalet li tinsab kuntenta ħafna hekk kif dawk li jieħdu ħsiebhom jgħinuhom u jħobbuhom.
San Vincenz de Paule kien infetaħ bħala sptar għal foqra u b’dawk mard inkurablli lura fl-1890, iżda qabel it-tieni gwerra dinjija dan l-isptar inbidel f’residenza u sptar għall-anzjani, li llum qed jara trasformazzjoni ta’ titjib fil-kwalità.