Ir-residenti fid-djar tal-anzjani għandhom joħorġu biss għal appuntamenti mediċi jew meta jkollhom bżonn kura medika.
Tħabbar dan fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u s-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità, flimkien mal-Ministeru għas-Saħħa, fid-dawl tal-aħħar żviluppi tal-imxija u sabiex jiġu salvagwardjati l-anzjani kollha fid-djar residenzjali.
Azzjonijiet oħra li ġew introdotti huma li residenti ġodda ġejjin mill-komunità jridu joqogodu kwarantina qabel jidħlu fir-residenza, introduzzjoni ta’ sodod ta’ kontinġenza biex issir l-iżolazjoni, tisħiħ tal-mezzi għall-kontroll tal-infezzjonijiet, ittestjar regolari, viżitaturi ma jkollomx kuntatt dirett mal-anzjani, jitnaqqsu n-nies li jidħlu fid-djar għal dawk biss ta’ ħidma essenzjali, jingħata taħriġ lill-istaff u li l-istaff ikun kemm jista jkun limitat għad-dar li jaħdmu fiha.
Intqal li sal-lum il-ġuranta saru aktar minn għaxart elef swab kemm fost ir-residenti kif ukoll lill-ħaddiema.
L-istqarrija tinnota li bħalissa hemm erbat idjar tal-anzjani, li huma-Simblija, Casa Antonia, Casa San Paolo u Residenza San Ġużepp, li għandhom każi pożittivi tal-COVID-19 u b’total ta’ 57 każi attivi ta’ residenti.
Min-naħa l-oħra f’kull djar tal-anzjani qed tiġi applikata il-proċess ta’ ta’ staff-to-patient allocation, safe bubbles f’kull sular kif ukoll miżuri għolja ta’ infection control. Dan kollu qed isir sabiex jonqos ir-riskju li jinfirex il-virus. F’dawn id-djar, ir-residenti kollha li ġew negattivi qed jerġgħu jiġu ttestjati wara tlett ijiem sabiex ikun hemm monitoraġġ għoli ta’ din is-sitwazzjoni.
L-awtoritajiet se jkomplu jagħmlu aktar spezzjonijiet u ttestjar favur is-saħħa tal-aktar nies vulnervvali fis-soċjetà.