L-anzjani kollha li jgħixu fid-djar residenzjali madwar Malta jistgħu għall-ewwel darba jwasslu b’mod dirett is-suġġerimenti jew l-ilmenti lill-awtoritajiet.
Dan f’sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni li beda jagħmel is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva fl-erbgħin residenza li għandu l-Gvern f’diversi bliet u rħula Maltin.
L-ewwel laqgħa li saret fid-Dar tal-anzjani ta’ Bormla tmexxiet mis-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis innifsu flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Istandards Matthew Vella u l-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment għall-Anzjanità Attivà Dr Renzo DeGabriele.
ONE News attenda għal din l-ewwel laqgħa li matulha l-anzjani tkellmu b’mod miftuħ dwar is-servizzi li qed jingħataw fosthom l-ikel u s-servizz ta’ kura offrut mill-ħaddiema.
Bosta qalu li qed jiġu ttrattati tajjeb u oħrajn għamlu diversi suġġerimenti biex is-servizz ikompli jitjieb.
Imdawwar ma’ bosta anzjani, is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis sostna kif dawn il-laqgħat għandhom l-għan li jassiguraw li l-flus li l-Gvern qed jinvesti f’dan is-settur jwasslu għal servizz tal-ogħla livell b’risq l-anzjani residenti f’dawn id-djar.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis stqarr: “Għaliex aħna jimpurtana li l-anzjani fil-homes jgħixu kwalità ta’ ħajja għolja qegħdin nonfqu flus tajba bħala Gvern u rridu in return servizz tajjeb lill-anzjani tagħna. Aħna m’ahniex ser naċċetaw li wara nonfqu dawn il-flus kollha l-anzjani tagħna ma jiġux trattati sew u allura bdejna proċess ta’ konsultazzjoni mal-anzjani nfushom biex naraw fl-aħħar mill-aħħar dak li qegħdin nippruvaw nagħmlu aħna bħala Gvern huwiex jasal għandhom.”
Qal li min jixtieq jgħaddi s-suġġerimenti tiegħu b’mod immedjat jista’ jagħmel dan fuq in-numru 25494345.