L-anzjani jinsabu fiċ-ċentru tal-politika li jħaddan il-Partit Laburista. Dan kien il-messaġġ li twassal waqt iż-żjara, li saret l-Erbgħa filgħodu fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Mellieħa, proprju fir-raba’ jum tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’.
Iż-żjara, saret mill-mara tal-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, flimkien mal-President tal-Partit, Ramonda Attard, u l-Membru Parlamentari Laburista, Malcolm Paul Agius Galea, fejn mal-wasla tagħhom ngħataw merħba mill-isbaħ mill-anzjani u l-ħaddiema li kienu preżenti.
Fil-messaġġ tagħha, Dr Abela qalet kif hu ta’ sodisfazzjon li tara lill-anzjani jkomplu jkunu attivi fil-komunità.
Qalet, “Hu ta’ sodisfazzjon kbir li tiltaqa’ man-nies, titkellem magħhom, tismagħhom u fuq kollox taġixxi, li hu l-iskop tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, li mhux tingħalaq fil-binja fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, iżda li toħroġ u titkellem man-nies, u ddur il-pajjiż kollu. Il-Partit Laburista, kien, għadu u se jibqa’ dik il-forza politika, li teżisti biex tħares l-interessi tan-nies, il-forza politika li teżisti bħala vuċi tal-batut u taż-żgħir. Dik il-forza politika li tħobb lil pajjiżna.”
L-għan wara dawn iż-żjarat hu biex il-Partit Laburista jibqa’ jkun il-vuċi ta’ kulħadd b’ruħ soċjali fejn joffri serħan il-moħħ u stabbiltà lill-pensjonanti.