Ftehim bejn il-Gvern u l-Kunsill Lokali ta’ Bormla bħala parti minn proġett pilota, se jwassal biex l-anzjani jagħtu l-kontribut tagħhom fil-komunità, permezz ta’ diversi attivitajiet mat-tfal.
Dan il-ftehim se jara li matul il-ħinijiet ta’ filgħodu u wara nofsinhar, x’ħin it-tfal ikunu deħlin u ħerġin mill-iskola, l-anzjani jingħaqdu mal-Uffiċjali tal-Pulizija u tal-LESA sabiex jassistu lit-tfal.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia, qal kif dan il-proġett se jkun qed jinfirex fl-iskejjel primarji u medji madwar pajjiżna.
Il-Ministru Farrugia stqarr, “Opportunità ta’ anzjanità attiva lill-anzjani, kif ukoll li jkun hemm attività interġenerazzjonali, permezz ta’ anzjani, li jkunu viċin l-iskejjel u flimkien mal-pulizija u flimkien ma’ uffiċjali oħrajn ikunu jistgħu jgħinu t-tfal huma u deħlin u ħerġin l-iskola.”
F’dan il-proġett pilota, l-anzjani se jagħtu affarijiet – bħal kotba u oġġetti magħmulin bl-idejn – lit-tfal.
Is-Sindku ta’ Bormla, Alison Zerafa Civelli qalet kif f’din il-belt fil-Kottonera hemm ħames skejjel primarji u sekondarji, u kull ma jmur il-popolazzjoni qed issir aktar anzjana.
Zerafa Civelli stqarret, “L-anzjani tagħna huma ħerqanin ħafna sabiex jagħtu sehemhom, b’mod ħaj fil-komunità u anki l-istudenti, li ta kuljum jgħixu fil-lokalità tagħna, f’Bormla tagħna se jkunu qegħdin jirrelataw tajjeb mal-anzjani, jitgħallmu mingħand xulxin u forsi jibdew il-ġurnata, b’mod ħelu u b’mod differenti.”