Anzjani li jattendu ċentri ta’ anzjanità attiva madwar Malta u Għawdex għandhom l-opportunità li jżuru postijiet storiċi permezz ta’ kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva u Heritage Malta.
Dawn iż-żjarat qed isiru bil-ħidma tad-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità li jamministra ċ-ċentri ta’ matul il-jum. Permezz ta’ żjarat simili, l-anzjani għandhom l-opportunità jitgħallmu u jġeddu memorji ta’ postijiet li jfakkruhom fl-imgħoddi u li jqanqlu nostalġija li eventwalment jaqsmuha mal-familjari u mal-ħbieb tagħhom.
L-anzjani għandhom l-opportunità wkoll li jitgħallmu dwar postijiet ta’ interess storiku li jmorru lura sekli sħaħ u dwar postijiet ta’ valur kulturali għas-soċjetà tagħna. Filwaqt li jgawdu s-sbuħija ta’ pajjiżna, l-anzjani jistgħujitgħallmu dwar il-konservazzjoni tal-istorja Maltija permezz ta’ Heritage Malta.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ħeġġet lil Heritage Malta għal aktar proġetti ta’ din ix-xorta kemmgħall-benefiċċju tal-anzjani kif ukoll biex ikollna kultura u strutturi kulturali u storiċi aċċessibbli għal kulħadd.