Inez Galea li kienet inqatlet mill-klieb f’darha fl-età ta’ ħamsa u disgħin sena kienet tħossha beżgħana mill-klieb u ma kinitx tħossha sigura f’darha.
Hekk xehdet bint il-vittma, Rosemarie Barbara waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ Andre Galea, sid il-klieb li ħasdu l-ħajja ta’ nanntu u li issa qed ikun akkużat bil-qtil involontarju tagħha.
Hija rrakkontat kif dakinhar tal-qtil hija kienet żaritha ftit qabel u kkonfermat li dak il-ħin il-bieb tal-bitħa kien imsakkar.
Spjegat kif ommha ta’ spiss kienet tilmenta dwar il-ħmieġ li kienu jħallu l-klieb tal-akkużat fil-parti tad-dar li kien joqgħod hu.
Qalet kif ir-riħa tant kienet insapportabbli li ommha kien ikollha torqod b’maktur ma’ wiċċha.
Fil-Qorti nstema’ kif għalkemm kienet tħobbu lin-neputi tagħha, hija kienet tibża’ mill-akkużat.
Il-bint iddeskrivietu bħala bniedem li jasal u li kien imbuttaha u waqqagħha darbtejn għal wiċċha.
Flimkien ma’ bint il-vittma u l-kuġina tal-akkużat, Jeanette Barbara, xehdu wkoll żewġ uffiċjali tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, li spjegaw kif daħlu għal klieb dakinhar.
Dawn iddeskrevewhom bħala klieb mansi u li ħaduhom fil-vann mingħajr diffikultà.