Ilbieraħ, il-konferenza “L-użu ta’ Annimali Selvaġġi fiċ-Ċirkli: Wasal Żmien ta’ Bidla”, ko-ospitat fil-Parlament Ewropew mill-MPE Marlene Mizzi, l-Intergroup fuq il-Benessere u l-Konservazzjoni tal-Annimali u l-Eurogroup for Animals, bagħtu messaġġ ċar lill-UE: l-appoġġ tal-pubbliku għall-użu ta’ annimali selvaġġi fi spettakli taċ-ċirku ilu li għeb u l-Kummissjoni Ewropea trid taġixxi biex twaqqaf dan id-divertiment mhux etiku u li m’għadux validu fl-Istati Membri kollha mingħajr eċċezzjonijiet.
L-użu ta’ annimali selvaġġi fiċ-ċirkli jwassal regolarment għal aċċidenti li jinvolvu lil dawk li jħarrġu l-annimali, impjegati taċ-ċirklu u l-pubbliku. Fl-aħħar ftit snin kiber it-tħassib dwar l-etika u s-sigurtà tal-użu ta’ annimali selvaġġi fiċ-ċirkli u dan wassal għal tibdiliet fil-leġiżlazzjoni ta’ għadd ta’ Stati Membri tal-UE.
L-opinjoni vasta tal-pubbliku fl-Ewropa kontra l-użu ta’ annimali selvaġġi fi spettakli taċ-ċirklu turi li hemm bżonn li tiġi introdotta projbizzjoni Ewropea. Aktar minn nofs l-istati tal-UE diġà addottaw leġiżlazzjonijiet nazzjonali bil-għan li jitwaqqfu l-annimali selvaġġi fiċ-ċirkli, flimkien ma’ aktar minn 50 stat fid-dinja.
L-MPE Mizzi fetħet il-konferenza billi spjegat għaliex fl-2014 Malta addottat projbizzjoni sħiħa fuq l-użu ta’ annimali selvaġġi fiċ-ċirki.
Hija qalet li “Malta addottat din il-projbizzjoni peress li l-Gvern tagħna jirrikonoxxi li ċ-ċirkli bl-ebda mod ma jipprovdu ambjent adegwat, ma jassigurawx li l-annimali jkollhom imġiba normali, u lanqas ma jipprovdu kenn u protezzjoni mill-uġigħ u t-tbatija. Madankollu bħalissa, l-Istati Membri li addottaw il-projbizzjoni ta’ annimali selvaġġi fiċ-ċirkli – xorta waħda huma marbutin li jaċċettaw li dawn l-annimali jgħaddu mit-territorju tagħhom. Aktar minn hekk, illum iċ-ċirki qed jivvjaġġaw distanzi itwal biex jaslu fiz-zoni fejn għandhom l-awtorizzazzjoni li jaħdmu, u b’hekk l-annimali qegħdin iqattgħu aktar ħin fit-trakkijiet u l-benessere tagħhom huwa mhedded serjament. Huwa għalhekk li għandna bżonn projbizzjoni fl-UE kollha.”
Mizzi għalqet l-avveniment billi għamlet sejħa lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE biex jadottaw projbizzjoni fuq l-użu ta’ annimali selvaġġi fiċ-ċirkli. Hija qalet, “Ejjew nuru lil uliedna u wlied uliedna li dawn l-annimali mill-isbaħ ma ħaqqhomx umiljazzjoni u jinżammu fil-maqfulin imma rispett u dinjità.”